L-esperti tas-sigurtà fuq l-internet ta’ spiss iwissu dwar il-bżonn li jkollna passwords li jkunu b’saħħithom biex b’hekk il-kontijiet tagħna jkunu protetti, iżda sfortunatament xorta għadek issib ħafna nies – anke f’karigi għoljin u sensittivi – li jużaw passwords dgħajfin.
Studju ġdid li sar minn NordPass juri li ħafna CEOs ta’ kumpaniji kbar madwar id-dinja għadhom jużaw passwords dgħajfin, bl-iktar komuni jkunu: “123456” u “password”. Ismijiet ta’ nies famużi, u kreaturi mitiċi huma wkoll fuq nett ta’ din il-lista ta’ passwords dgħajfa.
Ir-riċerkaturi ta’ NordPass analizzaw l-informazzjoni minn 290 miljun każ ta’ aċċess illegali ta’ dejta u hemm ġabru fi gruppi l-iktar passwords komuni li l-hackers irnexxielhom jaċċessaw. Fost l-utenti li kienu sfaw vittma ta’ hacking fil-każijiet li studjaw NordPass kien hemm esperti tat-teknoloġija, tal-qasam finanzjarju, tas-saħħa, tal-kostruzzjoniji u anke tal-ospitalità.
Ir-riċerkaturi sabu li minn 290 miljun każ kien hemm kważi 30,000 utent li użaw il-password 123456, madwar 23,000 li użaw il-kelma password, filwaqt li kważi 12,000 użaw 12345.

