Friday, December 13, 2024

“Minn April jistgħu jiġu ċċelebrati l-attivitajiet reliġjużi esterni jekk il-każijiet tal-Covid jibqgħu taħt kontroll”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jekk il-każijiet tal-Covid jibqgħu taħt kontroll, il-festi jistgħu jiġu ċċelebrati minn April li ġej.

Dan ħareġ wara laqgħa kordjali li saret illum bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Profs. Charmaine Gauci, flimkien ma’ rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kien diskuss kif jistgħu jkunu ċċelebrati din is-sena, attivitajiet reliġjużi esterni u l-festi esterni fl-ibliet u l-irħula.

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qalet li l-prinċipju ewlieni ta’ dawn id-diskussjonijiet kien li s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ tingħata prijorità. 

Fi stqarrija hija qalet li jekk il-każijiet tal-Covid fil-komunità jibqgħu taħt kontroll, minn April 2022 l-attivitajiet reliġjużi esterni u dawk festivi jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati b’responsabbiltà. Dan ifisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu l-ewwel li jerġgħu jsiru, bi protokolli għal min isegwi. L-Għaqda żiedet tgħid li bis-sitwazzjoni taħt kontroll il-festi tas-sajf imbagħad jiġu ċċelebrati b’mod normali. 

Hija kompliet tgħid li attivitajiet marbuta mal-festi li ser jiġu ċċelebrati fix-xhur ta’ Frar u Marzu jistgħu jiġu organizzati skond il-protokolli preżenti. 

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ħeġġet lil kull min hu involut fil-festi sabiex jibqgħu juru serjetà u dixxiplina ħalli nerġgħu niċċelebraw u norganizzaw l-attivitajiet reliġjużi u l-festi esterni li jiffurmaw parti mill-patrimonju Malti. 

Ħeġġet ukoll lid-dilettanti tal-festi jikkonkorru għat-tilqim hekk kif dan jgħin biex jinżammu taħt kontroll l-agħar effetti tal-pandemija.

Ekonomija

Sport