Thursday, July 24, 2025

“Minn dejjem kont nammira lill-GWU” – Jason Gatt, Segretarju ġdid tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Komunikazzjoni u Elettronika

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Minn dejjem kelli ammirazzjoni kbira lejn il-General Workers’ Union u l-ħaddiema tagħha u dejjem xtaqt li nkun parti akbar f’din il-unjin. Il-GWU għallmitni li l-ħaddiem għandu bżonn dejjem ikun aħjar.” Qal dan is-Segretarju l-ġdid tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Komunikazzjoni u Elettronika Jason Gatt f’diskors li għamel wara l-ħatra tiegħu f’konferenza kwadriennali tat-Taqsima li saret l-Erbgħa filgħodu fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta. 

Jason Gatt inħatar flok David Darmanin li għal dawn l-aħħar snin mexxa t-Taqsima u wassal biex jiġu negozjati u konklużi b’suċċess għadd ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema membri tat-Taqsima. F’din l-istess konferenza nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-perjodu 2025-2028.

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li fisser id-definizzjoni ta’ x’inhi trejdunjin. Huwa qal li din id-definizzjoni mhi xejn għajr għaqda magħmula mill-ħaddiema, li tmexxi l-interessi tal-ħaddiema ’l quddiem għall-ġid tagħhom stess. 

Huwa sostna wkoll li l-akbar sodisfazzjon li tagħtik din il-ħidma hi d-differenza li tagħmel għall-ħaddiema. Dan anke fil-kuntest li d-dinja tax-xogħol tal-lum qed tinbidel kontinwament u għaldaqstant ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom il-ħiliet u l-kompetenza biex iwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar effiċjenti fid-drittijiet tal-ħaddiema. 

Is-Sur Bugeja rringrazzja lil David Darmanin tal-ħidma li wettaq kemm dam fil-kariga u awgura kull suċċess lil Jason Gatt fir-rwol ġdid tiegħu. 

Sadanittant, fl-aħħar diskors tiegħu bħala Segretarju tat-Taqsima, David Darmanin ħeġġeġ biex il-ħaddiema jibqgħu magħqudin fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Huwa qal li t-Taqsima rnexxielha ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ bosta ħaddiema u l-familji tagħhom, mhux biss b’żidiet fil-pagi permezz tal-ftehim kollettiv iżda wkoll bir-rebħ ta’ każi ta’ dixxiplina li fil-bidu dehru diffiċli. 

Huwa temm jgħid li kull deċiżjoni li ħadet it-Taqsima dejjem ħaditha fl-interess assolut tal-ħaddiema. Irringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, lis-Segretarji kollha u anke lil ħaddiema oħra fil-unjin li dejjem sab l-appoġġ tagħhom.

Intant, qabel bdiet il-konferenza saret preżentazzjoni lid-delegati tat-Taqsima dwar l-iskema tal-pensjoni bejn il-GWU u l-bank APS.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport