Friday, December 20, 2024

Minn għada se tibda topera Wizz Air Malta

Aqra wkoll

Wizz Air Malta ngħatat l-Air Operator’s Certificate (AOC) mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) u Liċenzja Operattiva (OL) mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Malta (CAD).

Il-linja tal-ajru l-ġdida se tibda topera għada, fis-27 ta’ Settembru 2022, bl-ewwel titjira titlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ruma fi Fiumicino.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, id-Direttur Ġenerali tal-CAD fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, il-Kap tal-Operazzjoni tad-Dipartament tal-Operazzjonijiet fl-Ajru fi ħdan l-EASA, Eduard Ciofu, u l-President ta’ Wizz Air, Robert Carey.

Dan ġie imħabbar mal-wasla tal-ewwel ajruplan irreġistrat taħt Wizz Air Malta, li ġie milqugħ minn salut tradizzjonali permezz ta’ kanuni tal-ilma fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li Malta ntgħażlet għal din il-linja tal-ajru ġdida, u li jinsab sodisfatt jara l-kollaborazzjoni bejn l-EASA u l-CAD. “Qed nistennew li din il-linja tal-ajru tirreġistra ammont sostanzjali ta’ ajruplani f’pajjiżna, biex tkompli żżid in-numru tal-flotta tagħna tad-9H, li hija diġà waħda b’saħħitha. Malta se tkompli tappoġġja lill-investituri li jagħżlu lil Malta bħala l-ġuriżdizzjoni tagħhom għall-benefiċċju ta’ din l-industrija importanti, u fl-aħħar mill-aħħar għas-saħħa tal-ekonomija tagħna”, saħaq il-Ministru Farrugia. 

“Fil-kuntest tal-instabbiltà globali ta’ bħalissa, negozji f’diversi setturi tal-ekonomija tagħna qed isibu stabbiltà f’Malta, u l-istabbiltà hija kruċjali biex isir in-negozju. Kif għamilna matul il-pandemija meta appoġġajna l-operazzjonijiet kollha tan-negozju b’suppliment tal-pagi, issa qed inżommu wkoll prezzijiet stabbli tal-enerġija li qed tagħti ċertezza lin-negozji. Dawn l-iżviluppi fl-industrija tal-avjazzjoni, bħal din il-linja l-ġdida tal-ajru, mistennija jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tagħna u jiġġeneraw aktar impjiegi. Dan se jwassal ukoll għal aktar opportunitajiet u inizjattivi”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Min-naħa tiegħu, il-Kaptan Charles Pace qal li jinsab kburi jara lil Malta tintgħażel minn parti interessata ewlenija ieħor tal-industrija. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kkollaboraw biex jinħarġu l-AOC u l-AOL fil-ħin. Huwa tenna li jħares ‘il quddiem sabiex il-kumpanija tikber fix-xhur li ġejjin biż-żieda ta’ ammont sostanzjali ta’ ajruplani ġodda.

Il-President ta’ Wizz Air, Robert Carey, qal: “Għandna pjaċir inħabbru t-twaqqif ta’ Wizz Air Malta, li se tipprovdi opportunitajiet biex niddiversifikaw aktar l-operat tagħna u nixprunaw it-tkabbir. L-operat ekonomiku u regolatorju ta’ Malta se jippermetti lil Wizz Air issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq globali. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-EASA u lill-CAD għall-appoġġ u l-kompetenza tagħhom, u nistennew bil-ħerqa li naħdmu mal-awtoritajiet Maltin matul is-snin li ġejjin.”

Ekonomija

Sport