Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex, hekk kif b’hekk tellaq sensiela ta’ laqgħat konsultattivi mal-imsieħba soċjali bi tħejjija għall-Budget 2027.
Din il-laqgħa ffukat fuq il-futur ta’ Għawdex, l-opportunitajiet ekonomiċi li qed jinħolqu fil-gżira, kif ukoll ir-realtajiet li qed iġib miegħu l-iżvilupp u l-ħtieġa li dan ikompli jitmexxa b’mod bilanċjat u fuq kollox b’mod sostenibbli.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-Gvern jinsab impenjat biex ikompli jimplimenta miżuri li jpoġġu l-kwalità tal-ħajja tal-individwu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.
Fost il-prijoritajiet diskussi kien hemm il-konnettività bejn Malta u Għawdex, b’enfasi fuq servizzi dejjem aktar effiċjenti, aċċessibbli u affidabbli għall-ħaddiema, l-istudenti, il-familji u n-negozji Għawdxin. F’dan il-kuntest il-Prim Ministru għamel referenza għas-sejħa għall-offerti għall-kiri tar-raba’ vapur, li għaliha żewġ kumpaniji wrew interess, kif ukoll it-tisħiħ kontinwu tas-servizz tal-fast ferry, li sal-aħħar ta’ din is-sena huwa mistenni li jkun laħaq kważi żewġ miljun passiġġier.

Dr Abela saħaq li l-investiment fl-infrastruttura pubblika u fir-riġenerazzjoni urbana se jibqa’ wkoll fuq quddiem nett tal-aġenda, b’aktar titjib fit-toroq, fl-ispazji pubbliċi u fiċ-ċentri tal-irħula, flimkien ma’ aktar investiment fis-sigurtà, fl-aċċessibbiltà u fil-kwalità tal-ambjent urban.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-istess viżjoni testendi għall-isport, il-kultura u l-faċilitajiet rikreattivi, b’aktar spazji u opportunitajiet ta’ kwalità għaż-żgħażagħ, għall-familji u għall-komunità kollha.
Il-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex ippreżentaw lill-Gvern numru ta’ proposti msejsa fuq ħames pilastri prinċipali, li jinkludu l-aċċessibbiltà u l-konnettività, is-saħħa, id-diversifikazzjoni ekonomika, l-edukazzjoni u l-kapital uman, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima.
Matul din il-laqgħa ssemma kif matul dawn l-aħħar snin Għawdex kompla jirreġistra żvilupp soċjoekonomiku pożittiv ferm, b’attività ekonomika li dejjem qed tikber, opportunitajiet ġodda u fiduċja li dejjem qed tissaħħaħ min-naħa tan-negozji. It-turiżmu jibqa’ wkoll pilastru importanti għall-ekonomija Għawdxija, filwaqt li qed jiżdied ukoll l-interess f’investiment u fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.
Ġie enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-ekonomija Għawdxija tkompli tiddiversifika u tattira investiment ta’ kwalità li jkomplu joħloq impjiegi sostenibbli u opportunitajiet ġodda, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Ministri Anton Refalo, Silvio Schembri, Clint Camilleri, Clyde Caruana, Jo Etienne Abela kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.
