Monday, September 14, 2026
Home Sport ‘Steering the Course’ jirritorna Malta għar-Raba’ Edizzjoni

‘Steering the Course’ jirritorna Malta għar-Raba’ Edizzjoni

0
61

Ir-Royal Malta Yacht Club, b’kollaborazzjoni mal-Vikings Sailing Club, se jerġa’ jorganizza Steering the Course — inizjattiva tal-World Sailing, appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, li għandha l-għan li tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isport. Din l-inizjattiva tifforma parti mill-programm tal-Yachting Malta Race Week.

Din hija r-raba’ edizzjoni tal-avveniment f’Malta, u kif ġara fil-passat, il-postijiet imtlew kollha. Steering the Course huwa appoġġjat minn Yachting Malta, Camilleri Marine u Boost.

Il-programm se jsir fuq tliet sessjonijiet wara nofsinhar, li jibdew fil-15 ta’ Settembru: żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ, segwiti minn sessjoni finali ta’ tlielaq fil-Port ta’ Marsamxett. Il-flotta se titħarreġ fuq id-dgħajjes RS Quest tar-Royal Malta Yacht Club, li huma addattati ħafna għal parteċipanti li jkunu qed ibaħħru għall-ewwel darba jew għal ekwipaġġi b’livelli differenti ta’ esperjenza. Dan minħabba li kull dgħajsa jkollha kowċ flimkien ma’ tliet baħħara. Qabel l-ekwipaġġi jinżlu fuq il-baħar, se jingħata wkoll taħriġ fuq l-art sabiex ikunu mħejjija sew.

It-tema ta’ din is-sena hija meħuda direttament mill-Jum Internazzjonali tal-Mara 2026: Give to Gain, Agħti biex Tikseb. Dan biex wieħed jiftakar li meta jingħata l-appoġġ, gwida u opportunitajiet, kulħadd igawdi. Dan ifisser li jinħolqu toroq biex aktar nisa u tfajliet jiskopru l-potenzjal tagħhom, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jidħlu fi rwoli bħala atleti, kowċis, u uffiċjali tat-tlielaq.

Il-messaġġ ta’ din is-sena għandu tifsira partikolari fil-kuntest lokali: il-kumitat organizzattiv kollu huwa magħmul minn nisa, li jieħdu ħsieb il-loġistika, il-marketing, il-media, il-kowċing u l-amministrazzjoni. Eżempju ċar ta’ dak li jista’ jinkiseb meta l-ugwaljanza titqiegħed fil-prattika.

Minbarra l-programm tal-ibburdjar, din is-sena l-Clubs se jorganizzaw taħdita minn Francesca Vincenti, rebbieħa darbtejn tal-unur Sportiva tas-Sena u membru tal-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti. It-taħdita, bit-titlu Against the Wind: Breaking Barriers and Never Letting Go se tagħti ħarsa lejn il-mumenti ewlenin tal-karriera tagħha, fosthom il-midalja tal-bronż fil-Kampjonat Dinji tal-1983 fil-Bermuda — kisbiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom wettqet mingħajr l-appoġġ ta’ tim nazzjonali.

Id-dħul għat-taħdita huwa bla ħlas, iżda r-reġistrazzjoni fuq is-sit elettroniku tar-Royal Malta Yacht Club hija meħtieġa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here