“Għal żmien twil, l-industrija tal-films kienet waħda staġjonali. Kienet industrijali li taħdem bl-iskolli. Illum dawwarna kompletament dik is-sitwazzjoni. Minn industrija staġjonali, dawwarnieha għal industrija li taħdem kuljum”.
Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Films Johann Grech meta kien qed jixhed f’seduta tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li trattat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fir-rigward tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Maltija tal-Films kif ukoll l-infiq konnessi ma’ din l-istess industrija.
Il-Kummissarju Grech beda biex qal li huwa ilu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Films għal dawn l-aħħar seba’ snin. Qal li “l-prijorità tagħna kienet waħda ewlenija li l-industrija tal-films ma tibqax staġjonali imma tkun waħda li taħdem kuljum fejn l-opportunitajiet ikunu hemm għal kulħadd”.
Huwa sostna li din is-sena l-industrija tal-films qiegħda tiċċelebra 100 sena ta’ films f’Malta. Qal li l-Kummissjoni ġiet imwaqqfa fis-sena 2000 filwaqt li bdiet toffri l-inċentivi ta’ cash rebate ħames snin wara.
Il-Kummissarju tal-Films spjega li l-2023 kienet l-aqwa sena ta’ kull żmien, l-aqwa sena f’100 sena ta’ storja ta’ films f’pajjiżna. Is-sena li għaddiet, inħolqu 3,385 opportunità ta’ mpjieg fil-films għall-Maltin.
“Tmienja minn kull 10 ħaddiema fil-films huma Maltin. Kemm ili responsabbli ta’ din l-industrija ksibna 169 produzzjoni. Marzu ta’ din is-sena, kien xahar rekord fl-industrija tal-films – tmien produzzjonijiet jiffilmjaw f’daqqa. Dan ix-xahar, Mejju, tmien produzzjonijiet oħra jaħdmu fl-istess ħin. F’ħames snin l-industrija tal-films iġġenerat biljun ewro fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Illum mexjin lejn karrieri fil-films,” kompla jispjega l-Kummissarju tal-Films.
Huwa kompla billi ħabbar li l-ġimgħa li għaddiet “għalaqna pjanta dettaljata tal-ewwel sound stage li se jinbena fil-Malta Film Studios. Illum għandna blueprint. Il-mudell tagħna lest.
“Ilna nisimgħu diskorsi u wegħdi minn amministrazzjonijiet differenti dwar sound stage f’Malta għal żmien twil, minn żmien ‘l Indipendenza ’l hawn.
“Illum għandna blueprint b’dettall ta’ kull metru kwadru bil-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-pass li jmiss huwa li tinħareġ sejħa pubblika, b’mudell ta’ business rigward finanzjament li jagħżel il-Gvern. Permezz tal-‘world-class soundstage’ li se nibnu, se nkomplu nagħtu garanzija għall-karrieri fil-films,” qal il-Kummissarju Grech.
Dwar ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO), il-Kummissarju Grech qal li dan ir-rapport ma sab l-ebda “wrong doing” fl-amministrazzjoni jew fl-operat tal-Kummissjoni.
Qal li l-NAO jikkonferma r-riżultati tal-istudji ekonomiċi tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-cash rebate u l-valur ekonomiku għal pajjiżna. “Fil-fatt, l-NAO jikkonferma li l-programm tagħna ta’ cash rebate qed jiġġenera return on investment b’saħħtu. Għal kull ewro li ninvestu, l-industrija tal-films tiġġenera €3 lura fl-ekonomija tagħna.
“Bil-cash rebate sostnejna l-impjiegi għall-Maltin. Minn kważi 300 crew Malti jaħdem fil-films fl-2017 illum għandna madwar 1,000 crew jaħdem fil-films. L-aħħar sentejn aktar minn 700 negozju Malti ħadem fil-films u 82% tal-crews lokali huma Maltin.”
Il-Kummissarju Grech qal li parti mill-performance audit tal-NAO kienet l-analiżi tal-Malta Film Week tal-2022. Qal li kuntrarju ta’ dak li ġie allegat minn uħud, l-NAO jikkonkludi li għall-Malta Film Week ma ntużaw l-ebda fondi allokati għall-produzzjonijiet lokali tal-films.
Tenna li l-Kummissjoni diġà ħadet passi pro-attivi fuq ir-rapport tal-NAO. Fakkar kif il-Kummissjoni għandha struttura ġdida biex issaħħaħ ir-riżorsi umani fl-operat tagħha.
L-NAO jikkonferma wkoll li l-marketing tal-Kummissjoni qiegħda ħalla riżultati kbar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissarju Grech saħaq li mhux kuntent bis-sitwazzjoni li l-audited accounts jiġu ppreżentati tard. Qal li jinsab infurmat li l-audit tal-2023 jinsab fi stadju avvanzat u minnufih se jibda l-audit tal-2024.
“Qegħdin fil-proċess noħolqu tender għal account services filwaqt ħriġna sejħa ġdida beix insaħħu aktar riżorsi umani fid-dipartiment tal-accounts.”
$21.9 miljun f’valur ta’ media coverage: Il-Mediterrane Film Festival ikompli jkabbar l-impatt tiegħu
Il-Mediterrane Film Festival kompla jikseb suċċessi, mhux biss fuq livell kulturali imma wkoll bħala mutur ta’ tkabbir ekonomiku għal Malta.
Il-Kummissarju spjega kif it-tieni edizzjoni tal-festival ġabet magħha valur ta’ coverage fil-media u fuq is-social media ta’ $21.9 miljun, rekord li juri l-interess kbir li ġibed il-festival madwar id-dinja. Dan kien żieda ta’ 29% meta mqabbel mal-ewwel edizzjoni, li kienet diġà ġabet valur ta’ aktar minn $17 miljun.
Grech żied li bl-investiment ta’ €5 miljun fit-tieni edizzjoni, l-impatt ekonomiku laħaq €9.7 miljun — żieda ta’ 38% meta mqabbla mal-ewwel edizzjoni, li kienet ġabet €7 miljun f’impatt ekonomiku b’investiment ta’ €4 miljun.
“Dan ifisser li żidna l-investiment b’madwar 25%, imma l-impatt ekonomiku żdied b’38%,” spjega l-Kummissarju Grech.
Il-Kummissarju tal-Films kompla jgħid li l-Mediterrane Film Festival ittrasforma ideat u opportunitajiet f’riżultati tanġibbli.
“Bis-saħħa tal-Festival kellna proġetti ta’ films li żiedu l-budgets tagħhom f’Malta, u attira interess kbir minn producers u directors ta’ fama internazzjonali bħall-Mel Gibson,” temm jgħid.