Thursday, September 18, 2025

‘Minn meta ngħaqadt ma’ Valletta Basketball Club, l-esperjenza kienet waħda mill-aqwa’ – Francesco Mifsud Bonnici

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

L-imħabba tiegħi għall-logħba tmur lura ħafna snin. Kuġinti, Diana Muscat, li dak iż-żmien kienet tilgħab ma’ Luxol, daħħlitni fid-dinja tal-basketball minn età żgħira ħafna. Kelli biss erba’ snin meta ngħaqadt ma’ Loyola, u wara ftit snin mort ma’ Athleta, fejn qattajt il-parti l-kbira tal-karriera tiegħi. Minn dak il-jum qatt ma ħarist lura, u l-imħabba tiegħi għal-logħba baqgħet tikber dejjem aktar.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta Basketball Club.

Minn meta ngħaqadt ma’ Valletta Basketball Club, l-esperjenza kienet waħda mill-aqwa. Wara ħafna snin ma’ Athleta, u minħabba ċ-ċirkostanzi, ħassejt li kien wasal il-mument biex naghmel biddla u niehu pass l quddiem. Dak iż-żmien Valletta offrew l-aħjar proposta, u l-kowċ Harry Savaya kien ir-raġuni prinċipali għaliex ingħaqadt magħhom, għax fl-opinjoni tiegħi huwa l-aqwa kowċ f’Malta. Il-mod kif jifhem il-logħba u kif jiġbed l-aħjar mill-plejers tiegħu hu tassew impressjonanti. Is-sena l-oħra kellna tim kompletament ġdid fil-court, u meta tqis li għamilna kważi l-istaġun kollu b’kważi import wieħed biss, inħossni kburin ħafna b’dak li rnexxielna niksbu. Konna rebħa waħda biss bogħod mill-playoffs, u min jaf x’jista’ kien jiġri kieku wasalna hemm.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Bdejna l-istaġun essenzjalment bħala tim kompletament ġdid. Dejjem jieħu ftit ħin biex plejers jibdew jidraw lil xulxin, speċjalment meta tqabbel ma’ timijiet bħal Starlites li ilhom jilagħbu flimkien għal ħafna snin. Dak it-tip ta’ “chemistry” jieħu żmien twil biex jinbena, meta kważi tista’ tilgħab b ghajnejk maluqa għax taf eżatt fejn se jkunu sħabek.

Minkejja dan, il-‘chemistry’ fit-tim is-sena li għaddiet kienet pożittiva ħafna; kulħadd kien jaf ir-rwol tiegħu u, għalkemm konna ġodda għal xulxin, inhasset bħallikieku ilna nilagħbu flimkien għal snin. Irnexxielna nieħdu xi rebħiet kbar, u kieku s-sitwazzjoni kienet ftit differenti – billi kellna import wieħed biss għal kważi l-istaġun kollu – nemmen li stajna navvanzjaw iktar, speċjalment meta tqis li ma wasalniex fil-play-offs b’differenza ta’ rebħa waħda biss.  

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Naturalment, li tlifna lill-plejer barrani Piotrek li ngħaqad ma’ Hibernians se tkun telfa kbira għat-tim, għax l-esperjenza tiegħu fil-logħba żgur se tħalli vojt. Madankollu, dan hu parti mil-logħba u rridu nadattaw l-istil tagħna issa. Ħafna mis-sinsla tat-tim baqgħet flimkien, u dan hu sinjal pożittiv ħafna li se jgħinna nsiru aktar b’saħħitna. Aħna ecitati hafna biex nerġgħu nikkompetu din is-sena, u nagħmlu pass ’il quddiem, billi naslu sal-playoffs.  

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Il-logħbiet issa huma forsi iktar eċċitanti min qabel, minħabba n-numru ta’ plejers barranin u l-‘imports’, imma nħoss li l- players lokali qed isibuha diffiċli biex ikollhom ħin fil-court. Nixtieq li jerġa’ jkun il-każ li kull team ikollu import wieħed biss fil-court, għax meta dan kien il-każ, il-plejers lokali kellhom effett ferm akbar fuq il-logħbiet.

U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala riżorsi, hawn Malta aħna neqsin. M’hemmx ħafna postijiet fejn it-tfal jistgħu sempliċiment imorru jilagħbu logħba bejniethom jew jitħarrġu. Bħala faċilitajiet għall-logħob uffiċjali, naħseb li l-assoċjazzjoni għamlet biċċa xogħol tajba. Issa, dak li jonqos hu l-impenn biex tikber il-logħba f’Malta, sabiex nerġgħu naraw il-paviljun mimli nies.

Kif qed tħares il-futur tiegħek fil-basketball?

Fil-mument qed nikkonċentra biss fuq il-preżent, din is-sena ma’ Valletta. Naturalment nixtieq inkompli nilgħab il-logħba fil-livell l-aktar għoli, imma qatt ma taf x’jista jġib il-futur. Wara li l-karriera tiegħi bħala plejer tispiċċa, nikkunsidra li nidħol fil-qasam tal-kowċing u nipprova ntejjeb il-logħba li tant inħobb. Barra minn hekk, nixtieq inkun ta’ eżempju għall-plejers żgħar u nispira lill-ġenerazzjoni li jmiss biex jibqgħu jilagħbu b-passjoni u dedikazzjoni.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.

Kun dixxiplinat, uri rispett u dedikazzjoni. Tgħallem minn min hu aħjar minnek, qatt tieqaf taħdem u qatt ma tieqaf tiġri wara l-ħolm tiegħek. Jekk tingħata opportunitá biex tikseb esperjenza barra minn Malta, ħu r-riskju u agħmel il-pass!  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport