Saturday, November 16, 2024

Minn nhar il-Ġimgħa Malta se tibda taċċetta ċ-ċertifikat tat-tilqim tal-Awstralja

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn nhar il-Ġimgħa li ġej, Malta se tibda taċċetta ċ-ċertifikat tat-tilqim tal-Awstralja.  Ħabbar dan illejla d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm Pjazza. Huwa spjega li dan jista’ jsir hekk kif issa pajjiżna għandu s-sistema li tista’ tivverifika li dak iċ-ċertifikat huwa ġenwin. Huma biss il-persuni li għandhom ċertifikat tat-tilqim rikonoxxut li jkunu jistgħu jidħlu Malta mingħajr ma jeħtieġu joqgħodu kwarantina.

Fearne tkellem ukoll dwar il-mobile clinics fejn persuna tista’ tmur fihom biex tieħu t-tilqima kontra l-Covid-19. Filwaqt li fakkar li l-Ġimgħa li ġej il-mobile unit se jkun f’Paceville faċċata l-bajja ta’ San Ġorġ, ħabbar li l-ġimgħa li ġejja l-mobile clinic se jkun qiegħed ġewwa Għawdex.

Id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 ġewwa pajjiżna fejn qal li din hija waħda stabbli. Qal li mhux l-istess tista’ tgħid madwar id-dinja f’pajjiżi fejn it-tilqim mhux għaddej b’rittmu tajjeb hekk kif il-varjant Delta qed iħalli ħerba.

Fearne qal li qed jaraw li bil-varjanti ġodda, hemm il-possibiltà li se ssir endemika, li jfisser li nibqgħu ngħixu biha. Fakkar li minn nofs Settembru se jkunu qed jagħtu booster lil dawk b’immunità dgħajfa u residenti fid-djar tal-anzjani. Qal li mbagħad jista’ jkun li din jestenduha għal kategoriji oħrajn.

Fakkar ukoll li mill-ġimgħa d-dieħla se jonqos għal sebat ijiem il-perjodu ta’ kwarantina għal dawk li huma vaċċinati.

Għal darb’oħra appella biex kull min jista’ jmur jieħu t-tilqima kontra l-Covid-19 għax qal li min ma jiħodix ir-riskju għalih għadu hemm. 

Ekonomija

Sport