Tuesday, November 26, 2024

Minn Ottubru li ġej se tibda topera Università Ukrena f’pajjiżna

Aqra wkoll

Minn hawn u ftit tal-jiem oħra, fit-2 ta’ Ottubru li ġej, se tibda topera f’Malta Università Ukrena, l-International European University (IEU).

Il-liċenzja, maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) fit-3 ta’ Lulju ta’ din is-sena tiskadi fit-3 ta’ Lulju 2024.

Il-ħtieġa għal din il-liċenzja temporanja hija marbuta mas-sitwazzjoni attwali li tinsab fiha l-Ukrajna mindu bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar tal-2022. Għaldaqstant, l-avvenimenti li jseħħu fl-Ukrajna matul ix-xhur li ġejjin se jkunu qed iħollu u jorbtu mit-tiġdid ta’ din il-liċenzja għal perjodu iżjed fit-tul.

Talk News ħa l-kummenti ta’ kelliem għall-MFHEA, li min-naħa tiegħu spjegalna li minn tal-inqas jeżistu tliet raġunijiet ewlenin għalfejn intgħażel pajjiżna biex tiġi megħjuna din l-università. Qabelxejn, Malta għandha reputazzjoni tajba fil-qasam tal-edukazzjoni u pajjiżna huwa pjuttost sigur. Fattur ieħor jorbot mal-lingwa; huwa magħruf sew mal-barranin li f’Malta jitħaddem ħafna l-Ingliż — ilsien li jaqdi l-ħtiġijiet u jgħaqqad diversi komunitajiet flimkien minn madwar id-dinja kollha — tant li huwa wieħed miż-żewġ ilsna uffiċjali tagħna l-Maltin.

L-IEU hija università miftuħa għal studenti minn nazzjonijiet differenti, u mhux Ukreni biss, u se tkun qed toffri tliet korsijiet: (i) Baċellerat fl-Immaniġġjar (Bachelor of Management), (ii) Maġisteru fl-Immaniġġjar u t-Tmexxija tan-Negozju (Master of Management and Business Administration), u (iii) Dottorat fil-Mediċina (Doctor of Medicine). L-istess kelliem żied jikkjarifika ma’ Talk News li fil-każ tad-Dottorat fil-Mediċina, hawn Malta se joffru biss il-parti teoretika; it-taħriġ prattiku se jsir fi sptarijiet f’pajjiżi oħra, bil-maġġorparti tagħhom fil-Polonja.

Il-programmi offruti mill-IEU f’pajjiżna jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Edukazzjoni ta’ Kwalità Ogħla fl-Ukrajna (NAQA).

Għal aktar dettalji dwar l-IEU tistgħu taċċessaw din il-ħolqa: https://en.naqa.gov.ua/.

Sport