Friday, March 28, 2025

“Minn qalbi kuntent li wliedi ma jgħixux fis-Serbja … Kuntent li huma f’Malta”

Serbjan preżenti fil-protesta ta’ Belgrad jisħaq li pajjiżu huwa mifni bil-korruzzjoni u li ntefgħet bomba fatali fost id-dimostranti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Minn qalbi kuntent li wliedi ma jgħixux fis-Serbja. Kuntent li huma f’Malta. Naf li Malta mhiex perfetta imma emmni, it-tiranijja u d-dittatorjat li ngħixu fih fis-Serbja huma gravi. Ma nafx minn fejn nista’ nibda nispjegalek dwar dak li qiegħed jiġri fis-Serbja. Għal dawn l-aħħar 12-il sena fis-Serbja għandna dittatur li jagħmel li jrid. Bħalissa għandha dejn ta’ $60 biljun u se jagħmel expo li se tiswa $27 biljun oħra. L-aħħar expo ma kienx saret fis-Serbja. Din kienet swiet $8 biljun u kienet tliet darbiet akbar minn tagħna. Issa tagħna se tiswa $27 biljun. Se jibni stadium li m’għandniex bżonn. Dan ifisser li hemm korruzzjoni kbira bi hemm qraba involuti fit-tenders. Is-Sibt 15 ta’ Marzu f’Belgrad għamilna protesta kbira. Tfal, iberikhom il-Mulej, imxew għal ħamest ijiem sħaħ minn Nis għal Belgrad. Kien hemm min mexa mal-200 kilometru biex jidħol f’Belgrad. Din il-protesta hija l-akbar li qatt saret fid-dinja u fi tmiem tagħha l-pulizija attakkaw lill-istudenti.” 

Hekk jirrakkonta Serb li kien jgħix għal numru ta’ snin f’Malta u kien preżenti fil-protesta kbira li saret riċentement fil-kapitali tas-Serbja. Bħal dan is-sors f’Malta għandna komunità sħiħa ta’ Serbi li jiġu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna hekk kif lura f’art twelidhom, fil-maġġorparti tagħhom iħossu li “m’hemmx futur”. Dan minħabba li skont Serbi oħra li kelmuna, ukoll ikkonfermaw li l-korruzzjoni li hemm “qerdet” lill-pajjiżhom. 

Waħda mill-akbar protesti li ra Belgrad

… In-numru eżatt tad-dimostranti mhuwiex magħruf

F’din l-aħħar protesta storika, in-numru eżatt tal-persuni li kienu preżenti għadu mhux magħruf, però hija kkonfermata bħala waħda mill-akbar dimostrazzjoni tal-massa li qatt ra Belgrad. Fiha d-dimostranti għal darb’oħra akkużaw lill-President Serb Alexander Vucic b’korruzzjoni u awtoritarjaniżmu. 

Il-bidu tar-“rabja” fost il-poplu Serb li “ilu jissaporti s-snin” kien id-diżastru fi stazzjon tal-ferroviji f’Novi Sad is-sena l-oħra li fih waqgħet blokka kbira ta’ konkrit fuq in-nies minn saqaf li kien għadu kemm ġie restawrat b’fondi pubbliċi. F’dan l-inċidenti traġiku kienu mietu 15-il persuna. Ħadd ma ħa responsabbiltà għal dan l-inċident u minn dakinhar ‘il hawn bdiet sensiela ta’ protesti b’din l-aħħar waħda tkun fuq skala nazzjonali. Eluf, jekk mhux kif qegħdin jisħqu dawk preżenti, aktar minn miljun u nofs persuna, marru f’Belgrad mill-bliet u l-irħula kollha tas-Serbja. Min bil-karozza, min bil-bicycles u min saħansitra bil-mixi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport