Minn tal-inqas 22 persuna mietu wara li dgħajsa bit-turisti nqalbet fl-istat tan-Nofsinhar ta’ Kerala fl-Indja.
In-numru ta’ mwiet jista’ jiżdied hekk kif matul il-ġurnata mistennija tibqa’ għaddejja ħidma ta’ salvataġġ.
Is-Supretendent mid-distrett ta’ Malappuran qal li l-iffullar wassal sabiex id-dgħajsa tinqaleb. Id-dgħajsa kienet qed iġġorr madwar 50 persuna, jiġifieri d-doppju ta’ kemm tiflaħ, meta nqalbet il-Ħadd billejl.
Il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi fuq Twitter esprima l-kondoljanzi tiegħu u qal li kien jinsab “imnikket bit-telf tta’ ħajjiet.”
Ħafna passiġġieri nqabdu taħt id-dgħajsa u minħabba li kien id-dlam, dan ma għenx fl-isforzi ta’ salvataġġ. Il-vittmi kienu jinkludu nisa u tfal.
Minn tal-inqas erba’ persuni li kellhom jittieħdu l-isptar kienu jinsabu f’qagħda kritika,” skont il-Ministru responsabbli mill-Isports u s-Sajd ta’ Kerala, V. Abdurahiman.
Għadu mhux ċar kemm huwa n-numru eżatt ta’ passiġġieri li għadhom irrapportati nieqsa. L-awtoritajiet qed jinvestigaw il-kawża tal-inċident.