Saturday, December 21, 2024

Minn tal-inqas sitt vittmi wara li karozza baqgħet dieħla f’folla fil-Belġju

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn tal-inqas sitt persuni mietu wara li karozza saqet f’folla fin-nofsinhar tal-Belġju.

L-inċident seħħ fil-belt ta’ Strépy-Bracquegnies, x’ħin allegatament karozza saqet b’veloċità qawwija fi grupp ta’ madwar 60 persuna li kienu qed jippreparaw biex jieħdu sehem f’parata tal-karnival matul il-jum tal-Ħadd. 

Qed jiġi rrappurtat li diversi nies sfat ukoll feruti serjamenti filwaqt li hemm uħud li jinsabu f’qagħda kritika. Iċ-ċirkostanzi wara dan l-attakk għadhom qed jiġu investigati, iżda l-Pulizija eskludew li dan seta’ kien attakk terroristiku.

“Huwa inċident traġiku. Il-karozza laqtet lill-grupp u pprovat tkompli għaddejja iżda twaqqfet mill-pulizija,” qalet il-kelliema għall-pulizija Cristina Ianoco. “Ix-xufier u l-passiġġiera l-oħra fil-karozza ġew arrestati.” 

Sadanittant, ġew ukoll miċħda rapporti li dehru f’xi midja Belġjana li l-ħabta seħħet wara li l-karozza kienet qed tiġi segwita mill-pulizija. 

Fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter, il-Ministru tal-Intern Belġjan Annelies Verlinden ta l-kondoljanzi lill-familjari ta’ dawk li nqatlu u sfaw midruba f’dan l-inċident. “Dik li suppost kienet festa kbira nbidlet fi traġedja. Qed insegwu mill-qrib is-sitwazzjoni,” kompla jgħid Verlinden.

Ekonomija

Sport