Friday, October 11, 2024

Mintoff f’konferenza stampa kien qal li “lanqas biss għandna wieħed mit-tlett fatturi li jagħmlu pajjiż indipendenti”

... L-Indipendenza - 60 sena anniversarju

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Propju sittin sena ilu,  pajjiżna kien qiegħed jipprepara għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-Indipendenza.  Ġrajja li ma naqsitx li toħloq kontroversja f’pajjiżna. Kien bħal lum li l-Perit Dom Mintoff, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista kien iddikjara li “Malta lanqas biss għandha wieħed mit-tlett fatturi li jagħmlu pajjiż indipendenti”. 

Dikjarazzjoni importanti ta’ George Orwell, hi dik li tgħid li “l-mod l-aktar effettiv ta’ kif tista’ tkisser in-nies hu billi iċċaħħadhom għal kollox milli jifhmu l-istorja tagħhom.”  Illum hi sfortuna li l-istorja tagħna ftit li xejn infakkruha. Pjuttost intuha l-ġenb. Il-mistoqsija li nagħmlu hi kemm iż-żgħażagħ li telgħin jafu l-istorja ta’ artna? Kemm qegħdin niddiskutu u niddibattu l-istorja ta’ artna biex nifhmu u ma ninsewx dak li għadda minnu l-poplu tagħna?

B’dan f’moħħna se nwasslulkom illum parti mill-kontroversja li kienet għaddejja dwar l-Indipendenza. Eżattament x’kienu l-argumenti ta’ Dom Mintoff bħala Mexxej Laburista, li llum ftit li xejn għadna nsemmuhom. Sitt sena ilu fuq naħa kien hemm l-Gvern Nazzjonalista ilesti għaċ-ċelebrazzjoni u fuq naħa oħra l-Oppożizzjoni Laburista tgħid ċar u tond li “Malta se tibqa’ qaddejja u kolonja Ingliża’.

Proprju sittin sena ilu, l-Perit Mintoff, bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien għamel konferenza stampa f’dik li kienet il-Freedom Press.  Kien iddikjara li “ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, Malta tagħti l-apparenza ta’ Stat Sovran. Iżda fil-fatt Malta se tibqa’ qaddejja tal-Kuruna Ingliża u l-istatus veru  tagħha se jkun dak ta’ kolonja Ingliża.” 

Il-Perit Mintoff qal li “Dr Giorgio Borg Olivier li minkejja l-appoġġ sħiħ u bil-miftuħ tal-Knisja Kattolika, jista’ jiftaħar biss bl-appoġġ ta’ 42 fil-mija ta’ l-elettorat Malti, aċċetta r-responsabbilità waħdu li jinnegozja mal-Gvern Ingliż Kostituzzjoni ta’ l-Indipendenza u Trattat ta’ Difiża ma’ l-Ingilterra.   L-istatus ġdid ta’ Malta sar mill-Gvern Ingliż bil-kundizzjoni li jsiru żewġ vjolazzjonijiet vitali fuq il-ħelsien tagħna: Trattat ta’ Difiża u Trattat Finanzjarju b’rabtiet politiċi”.

“Il-Forzi Ingliżi għandhom id-dritt jokkupaw kull arti tal-art tagħna kif jidhrilhom – dan f’pajjiż żgħir li bil-kemm fiha 121 mili kwadru u bla eda forzi ta’ difiża tagħha.  It-trattat finanzjarju għakemm deskritt bħala ġeneruż mill-propagandistiċi Ingliżi, ma hux inqas retrogradu u umiljanti”.

“L-ewwel għax hu marbut mat-tħaddim tat-Trattat ta’ Difiża – l-għajnuna kollha ekonomika tispiċċa jekk il-poplu Malti jagħżel li jirriġetta l-kundizzjonijiet  tat-Trattat ta’ Difiża. It-tieni, l-għajnuna finanziarja li hemm maħsuba fit-Trattat bl-ebda mod ma tikkompensa għall-ħsara li ġarrbet l-ekonomija tagħna matul l-164 sena ta’ okkupazzjoni Ingliża”.

“Li l-ekonomija Maltija ġiet ridotta għall-istat kaotiku preżenti tagħha id-domanda li saret fuqha mill-Forzi Ingliżi matul żewġ gwerer mondjali u b’kampanii punittivi oħra imperjalisti, ġiet ammess bil-miftuħ minn statisti Ingliżi.”

“It-Trattat Finanzjarju jipprovdi lil Malta matul l-għaxar snin li ġejjin għotja ta’ £24 miljun u self ta’ £26 milju. B’imgħax ta’ mhu xejn inqas minn 6.5 fil-mija fis-sena.  Kemm dawn il-provvedimenti m’humiex biżżejjed biex jibdlu l-ekonomija tagħna marbuta mal-gwerra għal waħda ta’ produzzjoni industrijali għall-paċi, issa jistgħu jiġu kkalkulati min dak li bassar il-Prim Ministru nnifsu fil-Parlament ix-xahar li għadda: – emigrazzoni ta’ 10,000 ċittadini Maltin fis-sena minn total ta’ 315,000 persuna f’popolazzjoni.  Eżerċitu ta’ nies bla xogħol li jgħaddi s-7,000 persuna minn total tal-popolazzjoni ta’ 90,000 nies tax-xogħol.   Dejn nazzjzonali ta’ iktar minn £8 miljuni f’April tas-sena 1964.”

“Il-Kostituzzjoni  ta’ l-Indipendenza imposta fuq il-poplu Malti  mis-Segretarju tal-Kolonji, Duncan Sandys u aċċettata bi grattitudni minn Dr Borg Olivier u mill-Ġerarkija Kattolika Maltija, m’hix inqas ta’ ħsara għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti. Illum aħna l-uniku pajjiż Ewropew b’kostituzzjoni li bil-miftuħ tagħmel diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi fiż-żwieġ, adozzjoni, dfin, is-suċċessjoni tal-proprjetà wara l-mewt, dħul fis-servizz pubbliku”.

“Hi timponi ukoll għal darba għal raġunijiet reliġjużi, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-espressjoni fix-xandir u fuq it-televiżjoni. Hi tippermetti ukoll li jsiru inġuri reliġjużi mill-Kleru Kattoliku bil-għan li l-elettorat Kattoliku jiġu influwenzat li jivvota għal partit politiku li jkunu għażlu huma. Barra minn hekk, tħalli lil Borg Olivier u lill-kleru li jappoġġjah is-setgħa li jemenda l-Kostituzzjoni kif irid immedjatament wara li tiġi proklamata l-indipendenza”.

“Għalhekk it-tentazzjoni għal Dr Borg Olivier li jwaqqaf dittatorjat la Franco hi kbira. Tant kbira li anki qabel il-proklamazzjoni ta’ l-indipendenza, l-poplu ta’ Malta kellu togħma ta’ dak li ġej. Fil-15 ta’ Settembru 1964, il-Gvernatur, bi proklama ipprojbixxa l-meetings u d-dimostrazzjonijiet pubbliċi kollha barra dawk uffiċjalment sponsorjati mill-Gvern li hemm”.

“Il-Moviment tal-Ħaddiema bi ħsiebu jirreżisti kull attentat simili biex jiġi meqrud dak li jista’ jkun fadal mid-demokrazija f’Malta.  Hu għalhekk li aħna qegħdin ninjoraw il-projbizzjoni u se nżommu mass meeting fil-Kwartieri tagħna fil-Marsa.”

Kompja jgħid kieku l-Malta Labour Party għamel il-meetings u d-dimostrazzjonijiet li kienu ippjanati mingħajr permess tal-Pulizija, ħafna nies innoċenti kienu jiġu msawwtin, issa li għall-ewwel darba l-Pulizija jinsabu armati bir-rifles. “Għalhekk aħna iddeċidejna li nmorru għaċ-ċelebrazzjonijiet u fejn ħaddieħor japprova aħna niddiżapprovaw”. 

Il-Perit Mintoff fil-konferenza stampa ikkundannata it-Trattat ta’ Difiża u qal li ma jaf bl-ebda pajjiż  fejn  l-art kollha tiegħu ġiet mogħtija lill-Forzi Armati ta’ pajjiż ieħor, ħlief il-Ġappun u l-Ġermanja li ġew mirbuħa fil-gwerra. 

“Għalhekk meta jgħidu li Malta se tkun indipendenti ifisser daħk bil-poplu. Filfatt konna ingawdu ċerti drittijiet aktar meta konna kolonja milli metą taparsi se nkunu indipendenti” kompla jgħid Dom Mintoff. 

Enfasizza li “Malta lanqas biss għandha wieħed mit-tlett fatturi li jagħmlu pajjiż indipendenti. It-tlett fatturi huma Sovranità kompluta fuq it-territorji tagħha, ikollok sehem sħiħ fl-affarijiet barranin u jkollok emanċipazzjoni ekonomika.  Aħna lanqas waħda minn dawn it-tlieta mhu se jkollna.  Lanqas l-aktar pajjiż fqir u hux żviluppat tad-dinja ma hu fil-pożizzjoni li se nkunu fiha’.  Kien iddikjara li f’Malta Indipendenti kollox se jkun tal-Ingliżi, it-tarzna, is-servizz tat-televiżjoni, il-cable and wireless, u l-akbar numru ta’ fabbriki. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport