Il-Kumitat għat-Trasport fil-Parlament Ewropew qabel dwar regolamenti maħsubin biex itejbu s-sigurtà fit-toroq u fl-istess waqt imorru lejn tranżizzjoni diġitali billi fost l-oħrajn jiżdiedu testijiet relatati mas-saħħa tas-sewwieqa.
Ir-rapporteur Karima Delli qalet li tħossha kuntenta li l-Parlament Ewropew qiegħed ipoġġi s-sigurtà fit-toroq prijorità fl-aġenda tiegħu u li l-mira hija li sal-2050 ma jkunx hawn iżjed imwiet fit-toroq kaġun ta’ tali inċidenti b’sistema li tipproteġi lis-sewwieqa.
L-MEPs fil-Kumitat għat-Turiżmu u t-Trasport adottaw pożizzjoni ta’ reviżjoni fejn jidħlu regolamenti relatati mal-liċenzji tas-sewqan Ewropej bi 22 vot favur u 21 vot kontra b’żewġ astenzjonijiet. Minkejja li b’vot ferm qrib, l-MEPs jidher li jridu jassiguraw li jagħtu kontribut b’regolamenti ġodda li jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni ta’ aktar minn 20,000 ħajja li ta’ kull sena qegħdin jintilfu f’toroq Ewropej.
L-istess MEPs qablu li l-liċenzja tas-sewqan għandha tkun valida sa mill-inqas 15-il sena għal muturi, karozzi u tractors u sa ħames snin għal trakkijiet u xarabanks, ħlief għal xi eċċezzjonijiet. Huma ssuġġerew ukoll li għandu jkun hemm testijiet tas-saħħa mandatorji mal-ħruġ jew tiġdid ta’ liċenzji.
Perjodu ta’ probation…
Fejn jidħlu sewwieqa nieqsa mill-esperjenza, il-kumitat qabel li dawn għandhom ikollhom perjodu ta’ probation ta’ mill-inqas sentejn fejn dawn ikollhom ċertu restrizzjonijiet fosthom pieni eħrex għal dawk li jinqabdu jsuqu bi traskuraġni jew taħt l-effett tal-alkoħol.
Sabiex jimmitigaw in-nuqqas ta’ professjonisti fis-sewqan, l-MEPs qablu li jħallu żgħażagħ ta’ 18-il sena jġibu l-liċenzja biex isuqu trakkijiet jew vannijiet li jġorru sa 16-il passiġġier jekk kemm-il darba jottjenu ċertifikat ta’ kompetenza. Jekk ma jirnexxilhom, l-età titla għal 21 sena u barra minn hekk, żgħażagħ ta’ 17-il sena se jkunu eleġibbli għal liċenzja ta’ trakkijiet jekk akkumpanjati minn xufiera ta’ esperjenza.
Taħriġ għal għarfien tar-riskju…
L-MPEs tat-Trasport appoġġjaw proposta biex jiġu adattati skemi ta’taħriġ u ttestjar tas-sewwieqa biex iħejju aħjar lill-istess sewwieqa għal sitwazzjonijiet reali ta’ sewqan biex jiżviluppaw l-għarfien tar-riskju tagħhom, b’mod partikolari għal utenti vulnerabbli bħal nies mexjin, ċiklisti, u utenti ta’ e-scooters u e-bikes fost l-oħrajn. L-użu sigur tal-mobile waqt is-sewqan, is-sewqan f’kundizzjonijiet tas-silġ u ċertu żlieq, ir-riskji tal-blind spots, is-sistemi ta’ assistenza waqt is-sewqan, u l-użu tal-vetturi fir-rigward tal-ambjent u l-emissjonijiet għandhom ukoll ikunu parti mit-testijiet tas-sewqan.
Favur liċenzja diġitali…
Biex jappoġġjaw is-suq uniku tal-UE, l-MPEs huma favur li tingħata l-possibbiltà li s-sewwieqa jiksbu liċenzja tas-sewqan diġitali, disponibbli fuq il-mobile u kompletament ekwivalenti għal-liċenzja printjata.
Issa jmiss li l-Parlament Ewropew kollu jivvota dwar dan l-abbozz, liema votazzjoni mistennija sseħħ fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar li ġej.