“Malta Enterprise qiegħda tkompli tħeġġeġ investiment barrani li joħloq valur fit-tul. Filwaqt li qegħdin inħarsu lejn niċċeċ ekonomiċi ġodda, nibqgħu nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna lill-industriji eżistenti, uħud minnhom ilhom jagħtu fiduċja lil Malta għal għexieren ta’ snin. L-investiment li nħarsu lejh huwa dak li joħloq opportunitajiet ta’ tkabbir fil-karrieri, innovazzjoni u riċerka u żvilupp”.

Qal dan dwar l-investiment dirett barrani (FDI) f’Malta, William Wait, iċ-Chairman tal-Malta Enterprise, li hija l-aġenzija nazzjonali tal-Gvern li tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku lokali inkluż l-attrazzjoni u t-tħejjijja tal-FDI lejn pajjiżna.
Ta’ min jgħid li l-andament tal-FDI mill-2013 ’l huwa storja ta’ suċċess. Taħt tmexxija Laburista l-pajjiż irnexxielu jikkonsolida pożizzjoni ekonomika b’saħħitha u kompetittiva fuq livell internazzjonali. Skont ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-pożizzjoni totali tal-FDI f’Malta żdiedet b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar 12-il sena u laħqet livell rekord ta’ madwar €479.7 biljun sal-aħħar tal-2024.
Suċċess ekonomiku mibni fuq kontinwità u fiduċja
Dan it-tkabbir ma seħħx f’daqqa, iżda kien frott ta’ strateġija ekonomika mibnija fuq kontinwità fil-politika, stabbiltà istituzzjonali u ambjent favorevoli għall-investiment. Fl-2013, meta l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż, il-pożizzjoni tal-FDI kienet ferm aktar baxxa. Minn dak iż-żmien ’l hawn, Malta rat żieda netta ta’ aktar minn €20 biljun fil-pożizzjoni tagħha tal-investiment barrani, b’żidiet sostanzjali minn sena għal sena.
B’mod partikolari, id-data turi li f’Diċembru 2023 il-pożizzjoni tal-FDI kienet laħqet madwar €430.5 biljun, filwaqt li fl-2024 ġiet irreġistrata żieda qawwija oħra, b’flussi annwali ta’ investiment barrani li qabżu t-€30 biljun. Dawn huma ċifri li jpoġġu lil Malta fost l-aktar ġurisdizzjonijiet attraenti fl-Unjoni Ewropea meta mqabbla mad-daqs tal-ekonomija tagħha.
Żvilupp ta’ mudell ekonomiku modern
Importanti li wieħed jifhem dawn iċ-ċifri fil-kuntest kollu. Malta żviluppat mudell ekonomiku modern ibbażat fuq servizzi b’valur miżjud għoli. Il-preżenza ta’ kumpaniji multinazzjonali u strutturi ta’ investiment sofistikati hija riflessjoni diretta tal-fiduċja fil-qafas regolatorju u fil-kapaċità tal-pajjiż li jopera b’mod effiċjenti f’suq globali kompetittiv.
Wieħed ma jistax jinjora wkoll il-fatt li dan it-tkabbir fl-FDI seħħ fi żminijiet partikolarment diffiċli fuq livell globali. Minkejja l-pandemija, l-instabbiltà ġeopolitika u l-pressjonijiet ekonomiċi internazzjonali, Malta mhux biss żammet il-livell ta’ investiment barrani, iżda kompliet tkabbru. Dan jindika reżiljenza ekonomika u fiduċja fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż.
Impatt konkret fuq l-ekonomija tagħna
Barra mill-aspett ta’ statistika, l-investiment barrani kellu wkoll impatt konkret fuq l-ekonomija domestika. Il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-introduzzjoni ta’ għarfien u prattiki ġodda u l-kontribut qawwi għad-dħul nazzjonali huma kollha elementi li jikkonfermaw li l-FDI f’Malta ma kienx biss numri fuq karta iżda, mutur reali ta’ tkabbir.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Malta Enterprise, William Wait, temm jassigura li, “hekk kif inħarsu lejn il-Vision 2050, inkomplu nimmiraw li nġibu investiment barrani dirett li jinvesti fi tkabbir sostenibbli u jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja għall-kommunitajiet lokali.”

