Saturday, December 21, 2024

Mira li jkompli jonqos it-tluq bikri ta’ studenti mill-iskola

Aqra wkoll

Il-Gvern ħa diversi passi sabiex tonqos ir-rata ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt billi investa fi programmi edukattivi u ta’ taħriġ kif ukoll ipprovda l-appoġġ u r-riżorsi li kien hemm bżonn biex jintlaħaq dan il-għan. Bħala riżultat, Malta rat tnaqqis sinifikanti f’dak li jirrigwardja t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, fejn ir-rata naqset minn 33% fl-2005 għal 10% fl-2023. 

Fid-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget 2025, jingħad li l-istrateġija ta’ Malta dwar it-Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ELET), allinjata mal-aġenda EU2030, għandha l-iskop li tkompli tnaqqas din ir-rata għal 9% sal-2030. L-enfasi primarja hi fuq il-prevenzjoni, li tiżgura investiment sod fl-edukazzjoni fis-snin bikrin, flimkien ma’ ħidma estensiva fejn jidħol l-edukazzjoni obbligatorja.

Fi sforz biex l-istudenti jingħataw l-opportunità li jkomplu fl-edukazzjoni u jsegwu karrieri fis-snajja, jew anke li jtejbu l-ħiliet tan-nies tas-sengħa, fl-MCAST mistenni li jiftaħ iċ-ċentru tas-snajja fl-2025. Fid-dokument jingħad li dan iċ-ċentru se jibda jilqa’ l-istudenti mis-sena skolastika 2025-2026.

Iżda li tonqos ir-rata ta’ tluq bikri ta’ studenti mill-iskola hi biss parti mill-ħidma li qiegħda ssir f’dan is-settur. Sabiex Malta tibqa’ tkun kompetittiva u tilqa’ għall-isfidi tad-diskrepanza fil-ħiliet, huwa kruċjali li l-individwi jkunu motivati li jkomplu bl-istudji tagħhom anke lil hinn mis-snin tal-edukazzjoni obbligatorja. 

Statistika tal-Eurostat turi illi bejn l-2013 u l-2023, Malta kellha t-tieni l-ogħla rata fis-sehem ta’ kisbiet edukattivi terzjarji fost individwi ta’ bejn il-25 u l-34 sena fl-Unjoni Ewropea. Matul dan il-perjodu, is-sehem ta’ individwi b’kisbiet edukattivi terzjarji żdiedu min 31.1% fl-2023 għal 46.3% fl-2023.

Barra minn hekk, l-UE qiegħda taħdem biex iżżid ir-rata ta’ impjieg fost dawk li jiggradwaw (ta’ edukazzjoni vokazzjonali medja u ogħla) għal 82% sal-2025. Fl-UE, din ir-rata kenet ta’ 81% fl-2023, b’10 stati membri diġà laħqu dik il-mira. Fuq quddiem nett hemm Malta, fejn ir-rata ta’ impjieg fost dawk li jkunu għadhom kif jiggradwaw kienet ta’ 95.6% fl-2023. 

Fl-istess dokument jingħad ukoll li dawn il-kisbiet kollha huma xhieda tal-investiment li qiegħed jagħmel il-Gvern fl-edukazzjoni. L-aħħar figuri juru li fl-2022, in-nefqa tal-Gvern f’dan is-settur kienet tammonta għal €879.2 miljun, jew 12.7% tan-nefqa totali tal-Gvern. 

Fl-istess waqt, il-Gvern qiegħed jiffoka wkoll investiment sostanzjali lejn it-tagħlim fost l-adulti, bid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabbiltà bħalissa qed joffri aktar minn 400 kors fis-sena biex jassistu lill-individwi fl-upskilling u r-reskilling skont il-bżonnijiet tagħhom. 

Id-dokument jagħti ħarsa wkoll lejn il-ftehim settorjali għall-edukaturi li minbarra li tejjeb sostanzjalment il-pagi, jaħseb għall-progress fil-karriera u ż-żieda fis-sigħat ta’ ‘special leave’. 

Sadanittant, fil-Budget 2025 u għas-snin ta’ wara, il-Gvern huwa kommess li jsostni l-investiment fil-kwalità tal-edukazzjoni f’Malta billi jaħdem b’mod diliġenti sabiex jimplimenta l-istrateġiji u l-policies kif elenkati fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, bl-għan aħħari jkun dak li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna tkompli tinbidel għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

Ekonomija

Sport