Monday, July 15, 2024

Mira li sal-2030 f’Malta jirdoppja l-persentaġġ ta’ turisti tal-iskrin

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech jara potenzjal u jitlob biex l-industrija tingħaqad f’għan wieħed

Aqra wkoll

“Aktar nies qegħdin jaraw lil Malta tidher f’diversi films miġbuda fil-gżejjer tagħna. Għalhekk, aktar nies qegħdin juru x-xewqa li jiġu jżuru Malta għax jarawh bħala post ta’ min jiġi jżuru għall-vaganza li jmiss. Nixtieq li l-industrija kollha tingħaqad f’għan wieħed – dak li sal-2030 nirduppjaw il-persentaġġ ta’ viżitaturi lejn Malta li huma turisti tal-iskrin.” Sostna dan il-Kummissarju Malti tal-Films, Johann Grech, fil-konferenza tat-Turiżmu tal-Iskrin li saret fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta bħala parti mis-sensiela ta’ masterclasses, diskussjonijiet u avvenimenti oħra organizzati matul it-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival.

Fir-rigward il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, spjega kif it-turiżmu tal-iskrin f’Malta huwa fenomenu li qiegħed jikber. Hawn ikkwota stħarriġ riċenti li juri li 3% tat-turisti attribwew films miġbuda f’Malta bħala l-fattur li influwenzahom għall-għażla ta’ Malta bħala d-destinazzjoni tagħhom. Dan ifisser li wieħed minn kull 33 persuna li jżuru Malta għażlu d-destinazzjoni minħabba produzzjonijiet ċinematografiċi ffilmjati f’Malta. Dan jikkwantifika għal mad-90,000 turist li kull sena jiġu Malta grazzi għall- films miġbuda fil-gżejjer Maltin.

L-importanza li nattiraw aktar turisti ta’ kwalità

Id-diskussjonijiet f’din il-konferenza ffokaw fuq l-isfidi u l-opportunitajiet tat-turiżmu tal-iskrin bil-parteċipazzjoni ta’ diversi esperti internazzjonali u stakeholders lokali ewlenin. Dawn trattaw l-importanza li jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità lejn Malta, speċifikament turisti tal-iskrin.

Tħabbar ukoll li biex jittejjeb il-potenzjal tat-turiżmu tal-iskrin, il-Kummissjoni Maltija tal-Films iffirmat żewġ ftehimiet fil-prinċipju, wieħed mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) u ieħor ma’ Heritage Malta (HM). It-tliet entitajiet se jikkollaboraw fuq kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni biex jippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni għall-ġbid tal-films u kalamita turistika.

Sadanittant, il-Kummissjoni Maltija tal-Films hija impenjata li tassisti lill-MTA fl-iżvilupp ta’ mappa diġitali interattiva li tenfasizza postijiet tal-films rinomati f’Malta, bil-possibbiltà li tesplora l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ Realtà Virtwali (VR) u Intelliġenza Artifiċjali (AI) biex tkompli ttejjeb l-esperjenza u b’hekk isservi wkoll bħala għodda promozzjonali. Gwidi informattivi tematizzati marbuta ma’ films popolari miġbuda f’Malta se jintużaw għall-promozzjoni mat-turisti bħala parti minn din l-inizjattiva tat-turiżmu tal-iskrin.

Promozzjoni u għarfien dwar is-siti storiċi tagħna…

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films u Heritage Malta qablu li jippromwovu siti storiċi lill-produtturi tal-films madwar id-dinja, kif ukoll iqajmu kuxjenza dwar il-konservazzjoni tal-wirt nazzjonali permezz tal-films, il-midja, il-pubblikazzjonijiet u l-Mediterrane Film Festival. Flimkien se jorganizzaw sensiela ta’ wiri ta’ films fil-postijiet attwali fejn inġibdu l-produzzjonijiet ċinematografiċi li jiffukaw fuq films internazzjonali ewlenin miġbuda f’Malta u li jenfasizzaw l-istorja rikka tal-films u s-siti ta’ wirt storiku.

It-tliet entitajiet se jesploraw ukoll il-possibbiltà li jappoġġjaw il-produzzjoni ta’ film jew sensiela televiżiva li tiffoka fuq perjodi storiċi u preistoriċ ewlenin bħalma huma l-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Assedju l-Kbir tal-1565.

Il-ftehimiet fil-prinċipju ġew iffirmati mill-Kummissarju Malti tal-Films Johann Grech, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Carlo Micallef u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport