Saturday, December 14, 2024

“Miraklu ieħor … kieku ma jkunux għandna jispiċċaw il-ħabs, Monte Carmeli jew jiġru fit-toroq”

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, fil-Jum Dinji Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċitu

Aqra wkoll

“Miraklu ieħor. Kien ilna s-snin nitolbu għal programm bħal dan. Kieku ma jkunux għandna jispiċċaw il-ħabs, Monte Carmeli jew jiġru fit-toroq”. Kien dan parti mill-messaġġ li għaddielna d-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, dwar iċ-ċentru f’Tal-Ibwar, fis-Siġġiewi.

Dan huwa ċentru li beda jopera f’Novembru tal-2021 sabiex jgħin persuni taħt it-18-il sena jikkumbattu kontra l-vizzju tad-droga. Propju llum jaħbat il-Jum Dinji Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċitu.

Huwa kompla jgħidilna li s’issa kien hemm madwar 55 persuna li rrikorrew għandhom għall-għajnuna mindu fetaħ dan iċ-ċentru, u 19 minnhom kellhom bżonn trattament f’din ir-residenza stess. Id-Direttur fisser ukoll li wħud mill-iktar problemi li jiltaqgħu magħhom huma mġiba distruttiva, persuni li jridu jweġġgħu lilhom infushom u problemi ta’ saħħa mentali, fost oħrajn.

Xi jsir minnhom il-persuni li jkunu lestew mill-fażi residenzjali f’San Blas?

“Ħames snin ilu nfetħet Dar Charles Miceli, il-Mosta — ħolqa importanti f’katina ta’ servizzi li tagħti sapport sostanzjali lin-nies li rnexxielhom jiġu clean mid-droga,” spejgalna d-Direttur tal-Caritas.

B’referenza għall-gradwazzjoni riċenti li saret nhar il-Ġimgħa li għaddiet fejn iggradwaw 14-il persuna li rnexxielhom itemmu l-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga b’suċċess mal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ, is-Sur Gatt fisser magħna li sabiex persuna tasal s’hemm jeħtieġ li tissodisfa numru ta’ kriterji. L-ewwel nett, kull persuna li tirrikorri għal dan il-programm trid tibda l-vjaġġ tagħha miċ-ċentru ta’ Blata l-Bajda. Minn hemm hija tiġi trasferita San Blas fejn tqatta’ l-maġġorparti tal-programm.

Lardarba din il-fażi tkun saret b’suċċess l-istess persuna trid tqatta’ minn tal-inqas tliet xhur f’Dar Miceli u mbagħad tagħmel sena oħra tgħix ħajja indipendenti.Dar Miceli huwa post miftuħ 24/7 għal nies ħielsa mill-vizzju tad-droga. “Bniedem li lesta l-fażi residenzjali f’San Blas, se jibqa’ jsib is-sapport minn hemm … il-vjaġġ jibda minn Blata l-Bajda u jintemm f’Dar Miceli,” saħaq is-Sur Gatt.

Ekonomija

Sport