Minn Cristian Muscat
Minn player internazzjonali Taljan li lagħab ma’ Empoli, Napoli u Torino għall-membru tal-istaff tekniku tat-team nazzjonali Malti. Mirko Valdifiori jitkellem ma’ dan il-sit dwar il-karriera tiegħu, il-ħidma ma’ Emilio De Leo, il-livell tal-futbol Malti u l-ambizzjonijiet tiegħu bħala kowċ.
Mirko Valdifiori jinsab f’fażi ġdida fil-karriera tiegħu. Wara snin twal bħala plejer professjonali fl-Italja, fejn fost l-oħrajn libes il-flokkijiet ta’ Empoli, Napoli u Torino u saħansitra wasal biex jirrappreżenta lit-tim nazzjonali Taljan, illum qed jibni t-tieni karriera tiegħu bħala kowċ.
Valdifiori huwa parti mill-istaff tekniku tat-tim nazzjonali Malti mmexxi mill-kowċ Emilio De Leo, flimkien mal-assistenti Pietro Matafora u Ivan Woods.
“Għalissa ninsab kuntent ħafna bħala assistant coach,” beda jgħidilna Valdifiori. “Għandi ħafna x’nitgħallem. Meta wasalt sibt staff magħmul kemm minn Taljani kif ukoll minn Maltin u mill-ewwel ħassejt fiduċja kbira, fuq kollox mil-lat uman.”

L-eks plejer ta’ nofs il-grawnd Taljan faħħar l-ambjent li sab madwar it-tim nazzjonali.
“Sibt ruħi tajjeb ħafna ma’ kulħadd, mhux biss mal-istaff tekniku iżda wkoll mal-kit managers, mal-President u man-nies kollha li jagħmlu parti minn dik li aħna t-Taljani nsejħulha organigramma. Li dawn in-nies urew fiduċja fija huwa importanti ħafna.”
Il-bidla minn plejer għal kowċ ma kinitx deċiżjoni li ħa mil-lum għall-għada. Valdifiori spjega kif madwar sena u nofs ilu kien wasal f’mument fejn beda jistaqsi lilu nnifsu x’kien se jkun il-pass li jmiss.
“Kelli 38 sena u tkun f’dik il-fażi fejn ma tkunx taf jekk għandekx tkompli tilgħab jew tiqafx. Kont diġà għamilt il-liċenzja UEFA B. Kont fuq vaganza ma’ ħabib tiegħi, Gabbiadini. Aħna niltaqgħu anke mal-familji tagħna u hemmhekk bdiet dik ix-xrara.”
Kien proprju f’dak il-perjodu li ddeċieda li wasal iż-żmien biex itemm il-karriera tiegħu bħala plejer u jibda triq ġdida fil-coaching.
“Iddeċidejt li nieqaf nilgħab u mbagħad ġiet din l-opportunità li naħdem mat-tim nazzjonali Malti. Għalija kienet bidla importanti ħafna.”
Meta Valdifiori jħares lura lejn il-karriera tiegħu, it-tim ta’ Empoli għandu post speċjali ħafna.
“Empoli tani ħafna opportunitajiet bħala plejer. Wasalt hemm meta kont għadni żagħżugħ u tlaqt bħala raġel. Kienu seba’ snin mill-isbaħ li fihom kbirt ħafna, kemm bħala plejer tal-futbol kif ukoll bħala persuna.”
Ma’ Empoli kiseb il-promozzjoni għas-Serie A, lagħab fl-ogħla diviżjoni Taljana u l-wirjiet tiegħu wassluh sal-flokk tat-tim nazzjonali Taljan.
“Irbaħna l-kampjonat tas-Serie B, wasalna fis-Serie A u eventwalment ġejt imsejjaħ mat-tim nazzjonali Taljan. Kien vjaġġ straordinarju.”
Fost il-partiti li jibqa’ jiftakar b’mod partikolari hemm waħda kontra Pescara.
“Kont għadni żagħżugħ. Dik kienet partita mimlija tensjoni. Ftit li xejn irqadna l-lejl ta’ qabel. Meta rbaħna, qisna wettaqna ħolma. Għalija jibqa’ wieħed mill-aktar mumenti importanti tal-karriera.”
Wara Empoli waslet opportunità kbira oħra, dik ta’ Napoli, taħt it-tmexxija ta’ Maurizio Sarri.
“Napoli kienet esperjenza mill-isbaħ. Kelli lil Maurizio Sarri bħala kowċ, Marek Hamsik bħala captain u plejers straordinarji bħal Gonzalo Higuain, Lorenzo Insigne u José Callejón.”
Valdifiori jiftakar b’mod partikolari lil Higuain, li f’dak il-perjodu kien wieħed mill-aktar attakkanti prolifiċi fl-Ewropa.
“Higuain kien champion. Li tarah kuljum fit-taħriġ kienet xi ħaġa differenti. Kien jiskorja kontinwament. Qabel kien qatta’ ħafna snin ma’ Real Madrid u stajt tara l-kwalità u l-esperjenza tiegħu fil-ħidma ta’ kuljum.”
Wara Napoli, Valdifiori kompla l-karriera ma’ Torino, fejn kellu l-opportunità li jaħdem taħt il-kowċ Siniša Mihajlović.
“Torino wkoll kien ambjent sabiħ ħafna. Kelli x-xorti nsir naf lil Mihajlović u dik kienet esperjenza importanti ħafna għalija. Permezz ta’ Siniša, imbagħad, kien hemm ukoll ir-rabta ma’ Emilio De Leo. Sfortunatament, Sinisa ħalliena u bla dubju kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna plejers tal-eta’ tiegħi.”
Tul il-karriera tiegħu, Valdifiori lagħab ma’ u kontra wħud mill-akbar ismijiet tal-futbol internazzjonali.
“Higuain żgur kien wieħed mill-aqwa plejers li lgħabt magħhom. Meta nitkellmu dwar avversarji, kien hemm plejers bħal Francesco Totti, Cristiano Ronaldo u Zlatan Ibrahimović, plejers li kitbu l-istorja tal-futbol tagħna.”
Iżda jekk hemm plejer li dejjem ammirah, dak huwa Andrea Pirlo.
“Pirlo kien l-idolu tiegħi.”
Valdifiori issa qed isir jaf mill-qrib il-futbol Malti. Ma jixtieqx jagħmel paraguni diretti mas-Serie B jew Serie C Taljana, iżda jinsab konvint li hawn plejers b’potenzjal interessanti.
“Ma tantx inħobb nagħmel paraguni bejn kampjonat u ieħor. Nista’ ngħid iżda li hemm diversi plejers Maltin li għandhom kwalitajiet biex jiġu evalwati f’livelli tajbin ħafna barra minn Malta.”
Dak li laqtu wkoll huwa l-entużjażmu li jeżisti madwar il-logħba.
“F’Malta hemm passjoni kbira għall-futbol. Hemm plejers li jaħdmu ħafna, jagħtu l-massimu u nemmen li hemm min għandu l-kwalitajiet biex jipprova esperjenza fl-Ewropa. Hemm żgħażagħ li jistħoqqilhom opportunità.”
Valdifiori kien sodisfatt bl-aħħar tieqa internazzjonali tat-tim nazzjonali Malti.
“Kienet tieqa pożittiva u l-plejers kien jistħoqqilhom jesperjenzaw dawn il-mumenti. Qed nagħmlu mixja importanti u issa rridu nkomplu naħdmu.”
Il-ħsieb diġà qed idur lejn l-impenji ta’ Novembru.
“Għandna partita importanti oħra quddiemna. Irridu nkomplu nikbru u nibnu fuq dak li
qed nagħmlu.”
Valdifiori għandu kliem ta’ tifħir għal De Leo.
“Emilio huwa kowċ ta’ livell għoli ħafna. Nittama li flimkien nistgħu nwasslu lil dan il-grupp dejjem aktar ’il fuq. L-għan huwa li naraw tkabbir kontinwu ta’ dan it-tim.”
Il-ħajja fuq il-bank hija ferm differenti minn dik fil-grawnd.
“Naħseb li tkun kowċ huwa diffiċli ħafna,” jammetti Valdifiori. “Meta tkun plejer tkun parti mill-grupp u taħseb prinċipalment dwar kif tista’ tgħin lit-tim bil-wirjiet tiegħek.”
“Bħala kowċ għandek madwar 25 persuna differenti quddiemek. Għandek tifhem lil kull plejer, il-karattru tiegħu, il-problemi tiegħu u kif tista’ tgħinu. It-tmexxija tal-grupp huwa aspett enormi tax-xogħol.”
Għalih din hija realta’ ġdida.
“Qed nitgħallem ħafna. Nipprova nkun jien stess u nitgħallem kuljum minn dawk ta’ madwari.”
U fejn jara lilu nnifsu fi żmien ħames jew għaxar snin?
“Ma rridx niġri wisq. F’Malta ninsab kuntent. Irrid nimxi pass pass. Meta tkun kuntent f’post u tħossok komplut, dik hija ħaġa importanti ħafna. Issa naraw kif tmur it-tieqa ta’ Novembru u nkomplu minn hemm.”
Fl-aħħar nett, Valdifiori għandu messaġġ sempliċi iżda b’saħħtu għat-tfal li joħolmu li xi darba jsiru plejers professjonali.
“L-ewwel ħaġa hija li jieħdu gost jilagħbu. Għandhom jikbru tajjeb u jmorru tajjeb fl-iskola, għaliex dik hija l-bażi ta’ kollox.”
Imbagħad, jekk it-talent u l-opportunità jkunu hemm, għandhom isegwu l-ħolma
tagħhom.
“Forsi xi darba dan l-isport jista’ jsir ix-xogħol tagħhom. Imma l-aktar ħaġa importanti hija li qatt ma jaqtgħu qalbhom u jippruvaw.”
“Mhux dejjem faċli. Hemm ħafna sagrifiċċji x’tagħmel, iżda trid tipprova. L-agħar ħaġa tkun li xi darba tħares lura u jkollok id-dispjaċir li ma tkunx ppruvajt.”




