Thursday, April 25, 2024

Missier ħarab lejn il-Libja u abbanduna tifel ta’ tliet snin… ordnat iħallas manteniment 

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien jheddidha ta’ sikwit u saħansitra ġera warajha b’mus. Meta t-tifel kellu tliet snin, ir-raġel tagħha li kien Libjan għeb u qatt ma kellha iktar kuntatt miegħu. Qatt ma bagħtilha manteniment għal binhom u kienet ilha seba’ snin ma tarah. L-omm tiddikjara li meta r-raġel kien jgħix magħha, kien dejjem jiġġieled għalxejn b’xejn, qatt ma riedha toħroġ taħdem, jheddiha kontinwament u dan mingħajr ma għaddielha flus sabiex tixtri l-affarijiet bżonjużi għall-ħajja. Minkejja li kien assenti għalkollox mill-proċeduri tal-Qorti u minkejja li ħadd ma jaf eżattament fejn jinsab, għalkemm il-Pulizija xehdu li jafu li qiegħed il-Libja, il-Qorti ordnat li jħallas manteniment ta’ €250 fix-xahar. 

“KIEN DEJJEM JIĠĠIELED GĦALXEJN, QATT MA RIEDNI NOĦROĠ NAĦDEM, KIEN JHEDDIDNI KONTINWAMENT U MA KIENX ITINI MANTENIMENT GĦALL-AFFARIJIET ESSENZJALI”

Mart ir-raġel li ħarab lejn il-Libja

Mix-xhieda tal-Ispettur Joseph Busuttil irriżulta li l-Pulizija qatt ma kellha informazzjoni fuq ir-raġel barrani iżda qal li jaf li Spettur mal-Iskwadra Kontra d-Droga kellu xi informazzjoni dwaru. L-Ispettur Eman Hayman fix-xhieda tiegħu informa lill-Qorti li r-raġel minn stħarriġ li għamlu l-Pulizija, m’għadux joqgħod fejn kien u la għamel kuntatt mall-Immigration Office Malta u lanqas ma jirriżulta ebda moviment jew informazzjoni dwaru.

Stephen John Gatt, Assistent Kummissarju fix-xhieda tiegħu qal li l-unika informazzjoni li għandu hi li r-raġel qiegħed il-Libja u li kien maħrub minn Malta. Qal li dan jafu għax il-Pulizija ħarġu Blue Notice tal-Interpol. Qal li ħarġu National Stop List Alert fil-konfront tar-raġel. L-Ispettur Lara Butters, fix-xhieda tagħha qalet li l-aħħar tagħrif li kellhom il-Pulizija kien li r-raġel kien reġa’ wasal Malta f’Lulju iżda m’għandhomx tagħrif ta’ meta telaq minħabba li seta’ ħareġ miż-Żona Schengen.

Xehdet il-mara tiegħu fejn hi spjegat li r-raġel tagħha kien ilu li ħarab minn Malta għal aktar minn erba’ snin. Qalet li hi żżewġitu fit-18 ta’ Frar tas-sena 2010 u li fis-27 ta’ Lulju tas-sena 2011 kellhom wild. Mitluba tgħid x’wassalha biex titlob is-separazzjoni, hi qalet li r-raġel kien beda jheddiha ta’ sikwit u saħansitra ġera warajha b’mus. Xehdet illi meta t-tifel kellu tliet snin, ir-raġel tagħha għeb u qatt ma kellha kuntatt iktar miegħu. Qatt ma bagħtilha manteniment għal binhom u kienet ilha ma tarah b’kollox għal seba’ snin. Sostniet illi meta r-raġel kien jgħix magħha, kien dejjem jiġġieled magħha għal xejn b’xejn, qatt ma riedha toħroġ taħdem, jheddidha kontinwament u dan mingħajr ma għaddielha flus sabiex tixtri l-affarijiet bżonjużi għall-ħajja. Spjegat li hi tixtieq tirriverti għal kunjom xbubitha u kkonfermat li r-raġel qatt ma kellu kontijiet bankarji u lanqas karozzi. Xehdet li proprjetà immobbli flimkien qatt ma xtraw u lanqas għamara  għax huma kienu jgħixu ma’ ommha. Ikkonfermat illi llum qed tgħix għal rasha u ommha għadha qed tgħinha finanzjarjament. 

Mill-provi rriżulta li l-mara żżewġet lil dan ir-raġel Libjan fid-19 ta’ Frar tas-sena 2010. Irriżulta ukoll li l-partijiet għexu fid-dar ta’ omm il-mara u li waqt iż-żwieġ, l-attur kien jippretendi li martu ma taħdimx, waqt li r-raġel ma kien jgħaddi ebda għajnuna finanzjarja biex l-omm tkun tista’ tgħajjex lilha nnifisha u l-minuri.  L-omm xehdet li r-raġel kien għeb minn ħajjithom u ħarab minn Malta meta t-tifel kellu biss tliet snin u minn dakinhar ‘l hawn ma kkomunika qatt magħha u ma bagħtilha ebda manteniment għal binha. 

Il-Qorti qalet li tqis illi l-ħtija għat-tifrik taż-żwieġ hi tort tar-raġel. Intqal li “Din il-Qorti rat illi f’inqas minn erba’ snin żwieġ, ir-raġel mhux talli qatt ma pprovda għall-martu u ibnu, iżda abbanduna d-dar matrimonjali u lil familtu, meta l-minuri kellu madwar tliet snin u ħalla lill-familja tiegħu fil-bżonn għax ma għamel ebda arranġament finanzjarju għal ibnu.  Il-Qorti tqis li ma rriżultat l-ebda raġuni valida li tiġġustifika l-abbandun kommess mir-raġel liema abbandun dam ferm aktar minn sentejn. Għalhekk, wara li eżaminat il-provi kollha, il-Qorti tqis illi jirriżulta sodisfaċentement ppruvat li r-raġel abbanduna id-dar matrimonjali mingħajr raġuni tajba u għal terminu taż-żmien rikjest mil-liġi, u għalhekk huwa responsabbli għat-tifrik taż-żwieġ tal-partijiet.

“IL-QORTI QATT MA TISTA’ TAĊĊETTA LI PERSUNA ĠĠIB IT-TFAL FID-DINJA U TITLAQ KULL RESPONSABBILTÀ TAGĦHOM FUQ IL-ĠENITUR L-IEĦOR JEW INKELLA FUQ L-ISTAT”

Il-Qorti ta’ Malta

Il-Qorti qalet li hi dejjem irriteniet li l-ġenituri ma jistgħux jabdikaw mir-responsabilità tagħhom li jmantnu lil uliedhom materjalment, hu kemm hu l-introjtu tagħhom. Dejjem kienet tal-fehma illi kull ġenitur għandu l-obbligu li jmantni lil uliedu anke jekk il-mezzi tiegħu huma baxxi jew jinsab diżokkupat. Il-Qorti qatt ma tista’ taċċetta li persuna ġġib it-tfal fid-dinja u titlaq kull responsabbiltà tagħhom fuq il-ġenitur l-ieħor jew inkella fuq l-istat.”  Qalet li l-manteniment tat-tfal, fil-verità iżjed milli dritt tal-ġenitur li qed irabbihom, huwa dritt tat-tfal minuri li ma jisfawx imċaħħdin minn dawk l-affarijiet li d-dinja tal-lum tikkunsidra bħala neċessità għall-edukazzjoni u għall-iżvilupp tagħhom.” 

Il-Qorti qalet li ir-raġel abbanduna lill-familja tiegħu u jinsab maħrub minn Malta. Għaldaqstant din il-Qorti m’għandha ebda tagħrif dwar il-qligħ tar-raġel u l-ispejjeż kurrenti tiegħu. Għalhekk, il-Qorti hija kostretta li takkorda manteniment minimu għall-minuri fl-ammont ta’ €200 kull xahar, liema ammont għandu jitħallas mir-raġel. Mal-manteniment minimu, din il-Qorti, takkorda wkoll nofs l-ispejjeż tas-saħħa u l-edukazzjoni tal-istess minuri, li huma ta’ €50 fix-xahar u għalhekk it-total huwa ta’ €250.

Il-Qorti, waqt li tat is-separazzjoni lill-mara, tatha l-kura u kustodja tal-minuri  u awtorizzatha tagħmel dawk l-atti kollha fir-rigward tat-trobbija tat-tifel minuri mingħajr il-firma, kunsens jew preżenza tal-missier. Awtorizzatha sabiex tapplika, testendi u tiġbor il-passaport relattiv tal-minuri mingħajr il-kunsens, il-firma jew il-preżenza tal-missier. Awtorizzatha wkoll li tista’ ssiefer barra minn Malta flimkien mal-minuri mingħajr il-firma, il-kunsens jew il-preżenza tal-missier.

Sport