Sunday, May 5, 2024

Ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta

Aqra wkoll

Ftit aktar minn xahar wara li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku għamel żjara ta’ jumejn f’Malta, id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ għadha kif ippubblikat ħarġa speċjali ta’ din il-gazzetta Furjaniża li hi kollha kemm hi ddedikata għal din iż-żjara li għadha friska f’moħħ kulħadd.

Żjara li laħqet il-quċċata tagħha proprju fil-Furjana bil-quddiesa fi Pjazza San Publju – magħrufa aktar man-nies bħala Fuq il-Fosos tal-Furjana – ftit sigħat biss qabel ma l-Kap tal-Knisja Kattolika irritorna lejn il-Vatikan nhar il-Ħadd 4 ta’ April li għadda.

Għalkemm bħalma wieħed jistenna minn gazzetta Furjaniża, l-enfasi tal-kontenut ta’ din il-ħarġa speċjali jirrigwarda primarjament dak kollu minn din iż-żjara storika kellu b’xi mod x’jaqsam jew seħħ fil-belt tal-Furjana, hi wkoll gazzetta li għandha tintlaqa’ tajjeb minn dawk kollha li jikkollezzjonaw il-Melitensia jew inkella jħobbu affarijiet ta’ laqta storika Maltija.

It-tnax-il faċċata tan-nofs ta’ din il-ħarġa speċjali li b’kollox fiha 16-il faċċata, huma kollha mimljin ritratti bil-kulur, fost l-oħrajn poster kbir mifrux fuq żewġ faċċati, li jista’ jinżamm bħala tifkira ta’ din il-ġrajja ewlenija. Dawn ir-ritratti   juru mumenti minn din iż-żjara tal-Papa Arġentin ix-xahar li għadda.

Ritratti oħra jakkumpanjaw il-kitbiet, li jinkludu bijografija qasira tal-Papa Franġisku, u riflessjonijiet u kummenti mill-Arċipriet tal-Furjana l-Kanonku Fr. Charles Cini li kien wieħed mis-saċerdoti li kellu l-privileġġ li jkun fost l-eqreb nett tal-Papa waqt il-quddiesa Fuq il-Fosos tal-Furjana. Dan għaliex il-quddiesa kienet qed issir fil-konfini tal-Parroċċa Furjaniża li jmexxi l-Kanonku Cini.

Kitbiet oħra huma t-Talba li qara l-Papa Franġisku waqt il-waqfa li għamel il-Ħadd filgħodu kmieni fil-Grotta ta’ San Pawl ir-Rabat. F’din it-Talba l-Papa semma’ lill-kopatrun ta’ Malta u patrun tal-Furjana San Publju, u ddeskrivih bħala “ewlieni fit-tmexxija u l-ħniena’. Kif ukoll ħarsa lejn it-tliet okkażjonijiet ta’ qabel li fihom żewġ Papiet oħra kienu qaddsu fis-snin l-imgħoddija Fuq il-Fosos tal-Furjana.

Fl-2010, meta kien żar Malta l-Papa Benedittu XVI, kienet ippubblikata wkoll ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’. F’dik l-okkażjoni l-Papa Ġermaniż kien daħal fil-Knisja ta’ San Publju qabel qaddes Fuq il-Fosos. Hemmhekk, qabel libes l-ilbies sagru, l-Papa waqaf għal ftit ħin quddiem l-istatwa tal-patrun tal-Furjana li kienet fil-korsija, u għamel xi talb quddiem is-Sagrament. Dak l-avveniment għadu mfakkar sal-lum b’irħama mal-art  quddiem il-kanċell tal-Knisja.

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa speċjali l-ġdida, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Barra minn hekk, wieħed jista’ jċempel fuq l-istess numru jekk jixtieq jabbona f’din il-gazzetta. L-abbonament jiswa biss 5 Ewro fis-sena. ‘IL-FURJANA’ tkun ippubblikata normalment 4 darbiet fis-sena. Imma mhux darba jew tnejn kienu ppubblikati ħarġiet speċjali skond l-okkażjonijiet.

Sport