Wednesday, April 24, 2024

Għajbien ta’ tfajla Ingliża vulnerabbli meqjus mill-pulizija bħala każ ta’ ħtif

Aqra wkoll

Tfajla vulnerabbli Ingliża li tgħix ma’ familja li mhix il-familja bijoloġika tagħha (foster family), għebet wara li ħalliet id-dar fejn kienet toqgħod f’Southmead, Bristol, biex tmur tixtri minn xi ħwienet. Minn dakinhar hija ma dehritx aktar. Il-pulizija qed tittratta dan il-każ bħal wieħed ta’ ħtif. Madison, magħrufa wkoll bħala Maddie dehret l-aħħar fis-26 ta’ April.

L-Ispettur Ditektiv Laura Miller, tal-Pulizija ta’ Avon u Somerset, qalet li l-għajbien tat-tfajla Maddie issa qed jiġi trattat bħala każ ta’ ħtif ta’ tfal u mhux iktar każ ta’ persuna nieqsa.

Qabel ma għebet, hija nstabet fil-kumpanija ta’ rġiel adulti u huwa prinċipalment minħabba din l-istorja li l-pulizija temmen li x’aktarx bħalissa it-tfajla tinsab fil-kumpanija ta’ xi ħadd.

Maddie hija tifla f’foster care u ħadd m’għandu permess li jżommha ħlief dawk li jieħdu ħsiebha. Hija vulnerabbli u fir-riskju li jittieħed vantaġġ minnha. L-awtoritajiet tal-pulizija jinsabu mħassba dwar is-sigurtà tagħha u qed jaħdmu biex it-tfajla tiġi lokalizzata.

Iċ-ċirkostanzi tal-għajbien tagħha huma ta’ tħassib kbir għall-familja tagħha u dawk li jieħdu ħsiebha. Fid-dawl ta’ dan il-pulizija qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku fit-tfittxija għal din it-tfajla.

“Għandna numru ta’ linji ta’ inkjesta u filwaqt li sal-lum kellna għajnuna kbira mill-pubbliku li għalihom aħna grati, għad għandna bżonn aktar,” sostniet l-Ispettur Laura Miller.

Ingħad li Maddie hija magħrufa li tuża ħafna l-midja soċjali biex tiltaqa’ ma’ nies ġodda iżda tbiddel l-accounts tagħha ta’ spiss. Hija tfajla adolexxenti vulnerabbli li tinsab f’riskju li tiġi sfruttata u għalhekk il-pulizija qed tħeġġeġ lill-pubbliku jgħin ħalli t-tfajla tinstab u jiġi assigurat li hija tinsab tajba.

Sport