Sunday, December 22, 2024

Missier jammetti li bagħat ‘l uliedu minuri biex jisirqu

Aqra wkoll

Missier ta’ sebat itfal, li l-Ħadd li għadda ħa erba’ minn uliedu miegħu biex jisirqu, tpoġġa taħt probation wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

L-Ispettur Matthew Grech, spjega kif għall-ħabta tal-10.00 a.m., il-Pulizija kienet infurmata b’serqa minn residenza u ħanut tal-ġugarelli f’San Ġwann. Filmati tas-CCTV wasslu lill-pulizija biex jiġi identifikat ir-raġel.

Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel ta’ 38 sena minn Ħal Qormi kien ta struzzjonijiet lil uliedu biex jisirqu xi oġġetti mill-ixkafef u jitfgħuhom fil-bwiet tagħhom.

Il-Pulizija intervjenew biex iwaqqfu lis-suspettat, filwaqt li t-tfal tiegħu, ta’ 5, 8, 9 u 11-il sena rispettivament, kienu fdati fil-kura tal-omm. 

Ir-raġel, li spiċċa bla xogħol minħabba l-pandemija tal-Covid-19, ġie mixli b’serq ta’ ġugarelli u tagħmir elettroniku ieħor. huwa kien mixli wkoll li naqas milli jieħu ħsieb kif suppost lill-erba’ wliedu minuri. 

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, l-imputat ammetta l-akkużi. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Qorti poġġietu taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin filwaqt li ħeġġitu biex jindirizza l-problemi personali tiegħu.

Sadanittant, il-Qorti ġiet infurmata wkoll li l-ħaddiema soċjali se jkunu qegħdin isegwi l-każ biex jiżguraw il-benesseri tat-tfal.

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għar-raġel.

Ekonomija

Sport