Thursday, May 7, 2026

Missier joqtol seba’ minn uliedu u minuri ieħor fi sparatura tal-massa f’Louisiana

Aqra wkoll

Missier qatel seba’ minn uliedu u minuri ieħor li ma kienx relatat miegħu fi sparatura tal-massa f’Shreveport, fl-istat ta’ Louisiana, f’dak li l-pulizija ddeskriviet bħala “inċident domestiku”. 

Ġie rrapportat li t-tfal kellhom bejn sena u 14-il sena. Il-każ seħħ il-Ħadd filgħodu, bis-suspettat spara fuq 10 persuni qabel ħarab minn fuq il-post b’karozza misruqa. Il-Pulizija mbagħad kienu ġrew warajh u qatluh. 

Żewġ nisa adulti, inkluż omm it-tfal, jinsabu f’kundizzjoni kritika. 

Is-suspettat kien identifikat bħala Shamar Elkins. Skont il-pulizija, is-suspettat spara fuq mara fit-triq u mar f’residenza fil-qrib fejn allegatament qatel tmint itfal, “wieħed minnhom ma kienx qarib tiegħu”. 

Waħda mill-vittmi kienet ġriet lejn dar fil-qrib u ċemplet lill-awtoritajiet. Il-pulizija qalu li l-aggressur aġixxa waħdu f’dan il-każ. Minuri ieħor kien qabeż minn fuq is-saqaf u kellu jittieħed l-isptar għall-kura. 

Is-Sindku ta’ Shreveport Tom Aceneaux qal li: “din hija sitwazzjoni traġika – forsi l-aktar sitwazzjoni traġika li qatt kellna f’Shreveport. Għandna familji li qed ibatu. Għandna uffiċjali tal-pulizija li qed ibatu. Dan qed jaffettwa lil komunità sħiħa u għalhekk ilkoll ninsabu mnikkta b’dak li ġara.” 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem għad-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Shreveport Chris Bordelon qal li l-mejtin kollha f’dan il-każ kienu minuri u li rriżulta li t-telefonata li saret kienet ta’ natura domestika. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Pulizija ta’ Shreveport, Wayne Smith, qal li, “Ma nistax nimmaġna kif jista’ jseħħ avveniment bħal dan.” Qal li l-investigazzjoni qed issir f’kordinazzjoni mal-pulizija tal-istat ta’ Louisiana u bl-għajnuna ta’ aġenziji oħra. 

“Se nkunu qed naħdmu b’diliġenza, kemm ikun hemm bżonn, biex insibu tweġibiet għal dak li ġara,” huwa żied jgħid. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport