Wednesday, July 24, 2024

“Missier kien għamel rikors biex jattendi l-praċett ta’ ibnu… iżda baqa’ mingħajr digriet”

- Il-Ministru Jonathan Attard

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard waqt li kien qiegħed jindirizza attività plitika tal-Partit Laburista fiż-Żejtun qal li “aħna Gvern li bil-fatti nagħtu s-saħħa lill-Maltin għax dan hu gvern riformista”.

Waqt id-diskors tiegħu fakkar dak li l-Partit Nazzjonalista kien wettaq mal-lokalità taż-Żejtun meta kien irtira l-kandidati tiegħu biex b’hekk ma ssirx elezzjoni tal-kunsill lokali.

“Niftakar ċar daqs il-kristall meta fl-2005 kont ġurnalist u ġejt inħabbat il-bieb ta’ dak il-kandidat Nazzjonalist li ġie mċaħħad milli jikkontesta l-elezzjoni mill-Partit tiegħu stess!
Għaliex tajjeb li niftakru li l-Partit Nazzjonalista, il-Paladini tad-demokrazija, kienu caħħdukom milli tivvutaw għax dakinhar beżgħu minn vot b’saħħtu Laburista fiż-Żejtun,” stqarr il-Ministru Attard.

Sostna li hu ma hu se jagħmel sarima ma’ ħalq ħadd u l-istess mhu se jħalli lil ħadd jagħmel sarima ma’ ħalqu. “Fejn nara l-inġustizzji, tkellimt u se nibqa’ nitkellem,” qal il-Ministru Attard quddiem numru sabiħ ta’ partitarji Laburisti.

Il-Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jiġu ffirmati żewġ ftehim kolletivi ġodda, wieħed għal Professjonisti fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u ieħor fl-OĦSA.

Irrefera wkoll għar-riformi li qegħdin isiru fil-qasam tal-ġustizzja fejn fost l-oħra hemm ir-riforma fil-liġi tal-familja. Il-Ministru anke tkellem dwar stejjer umani fejn qal li missier ma setax jattendi għal praċett ta’ ibnu għax għamel rikors, iżda d-digriet ma ħariġitx.

Qal li se ssir riforma oħra dwar il-liġi tal-kumpilazzjonijiet fejn dawn iridu jingħalqu fi żmien sena biss.

Il-Ministru temm id-diskors tiegħu billi qal li l-Partit Laburista hu l-partit tas-soluzzjonijiet daqskemm hu partit tal-opportunitajiet, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex nhar is-Sibt jagħtu sinjal ta’ fiduċja f’saħħtu lill-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport