Thursday, April 18, 2024

Missier u iben mixlija li ħebbew għal raġel u darbuh gravi

Aqra wkoll

Missier u iben tressqu l-Qorti mixlija li ħebbew għal raġel ieħor u kkawżawlu ġrieħi gravi f’argument li seħħ il-Ħadd li għadda fl-Imqabba.

L-akkużati huma Eugenio Gaffarena ta’ 63 sena residenti l-Qrendi u Vince Gaffarena ta’ 19-il sena mill-Imqabba.

Kien għall-ħabta tas-2.00 p.m. meta raġel ta’ 42 sena residenti ż-Żurrieq irrapporta fl-għassa li ftit tal-ħin qabel ġie attakkat minn żewġt irġiel. 

Allegatament waqt l-inċident, wieħed mill-aggressuri kellu fil-pussess tiegħu senter, li użah biex jagħti xi daqqiet bih lill-vittma. 

L-allegat vittma f’dan il-każ, Roderick Debono, huwa mifhum li jiġi minn Leon Debono, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Gaffarena fl-2020. 

Saviour, li kellu 27 sena kien inqatel b’tir ta’ arma tan-nar f’rasu waqt li kien bilqiegħda fil-karozza tiegħu fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija f’Lulju tal-2020. Kuġinuh, Vince, kien ukoll milqut f’sidru u f’wiċċu. 

Eugenio Gaffarena wieġeb mhux ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma, li ġarr senter mingħajr liċenzja, u li għamel insulti u theddid fil-konfront ta’ Debono. 

Vince Gaffarena, li fil-Qorti ntqal li huwa għadu qed jingħata l-kura għall-ġrieħi li sofra wara l-inċident ta’ sentejn ilu, kien mixli b’kompliċità f’dawn ir-reati u li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu. Huwa wkoll wieġeb mhux ħati. 

L-Avukat Noel Bianco talab għall-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-irġiel huma affidabbli u kkoperaw mal-investigazzjonijiet tal-pulizija. Spjega li l-każ huwa konness mal-isparatura li seħħet sentejn ilu.

L-Ispettur Janetta Grixti, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni, ikkonfermat dak li qalet id-Difiża li l-allegat vittma ma riedx jitressqu l-akkużi, iżda qalet li l-pulizija kellha tipproċedi fid-dawl tal-ġrieħi gravi li sofra l-allegat vittma.

Hija opponiet għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl li l-vittma kienet għadha ma xehditx, iżda kkonfermat li l-akkużati kkoperaw mal-pulizija. 

Il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda ħeġġet lill-prosekuzzjoni biex tiżgura li l-allegat vittma jixhed fis-seduta li jmiss.

Ekonomija

Sport