Tuesday, April 23, 2024

Immaniġġjar tal-flus minn etajiet żgħar

Aqra wkoll

“Build your Future, Be Smart about Money”, hija tema ġdida mnedija bħala parti mill-inizjattiva magħrufa bħala “ĠEMMA”, pjattaforma diġitali mmirata biex tgħin u teduka l-familji dwar it-tħaddim tal-flus. It-tema għal din is-sena ddur mal-kunċett ta’ tfaddil tal-flus minn etajiet żgħar, fejn it-tfal ikollhom aktar għarfien dwar l-importanza u l-valur tal-flus, infiq b’kontroll, u sostenibbiltà fost oħrajn.

It-tfal fl-iskejjel f’Malta u Għawdex se jingħataw l-opportunità joħolqu materjal edukattiv li jinkludi tpinġija u kitba li tippromwovi ideat innovattivi ta’ tfaddil u immaniġġjar tal-flus. Din il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-iskejjel kollha, mil-livell primarju għal dak sekondarju.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha enfasizza l-importanza ta’ edukazzjoni bikrija dwar dan is-suġġett.

“Irridu noħolqu kuxjenza u għarfien sa minn etajiet żgħar dwar l-importanza tat-tfaddil. Huwa għalhekk li qed ninżlu għal-livell tat-tfal u nwasslu l-informazzjoni b’mod adattat u li jinftiehem. Illum qed inniedu wkoll logo ġdid ta’ “ĠEMMA”, komplejna nġeddu u naġġornaw mhux biss id-dehra tal-pjattaforma iżda anke permezz ta’ proġetti u eżerċizzji innovattivi fl-iskejjel tagħna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Kollox idur mal-kunċett illi l-għarfien finanzjarju huwa parti integrali minn kull stadju tal-ħajja, u għalhekk il-bżonn ta’ aktar għarfien sabiex kull persuna jkollha l-ħiliet neċessarji sabiex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.

“ĠEMMA” qed tikkollabora ma’ diversi msieħba strateġiċi, bħall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, diversi banek, u unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.

Il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja ta’ “ĠEMMA” hija aċċessibbli fuq  f’www.gemma.gov.mt.

Sport