“Missieri rawwem fija sens kbir ta’ valur. Iżda minn fost il-ħafna li għallimna lili u lil ħija ma nista’ ninsa qatt l-enfasi tiegħu li s-suċċessi tista’ tasal għalihom bil-ħila tiegħek u mhux billi tkisser lil ħaddieħor”. Iddikjara dan Nigel Mifsud, iben Brian Mifsud id-Deluxe li aktar kmieni dalgħodu ngħarta l-aħħar tislima fil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat.
Nigel li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni wara karriera fil-ġurnaliżmu lokali ma setax ma jsellimx il-memorja ta’ missieru b’erba’ kelmiet kif żgur kien ikun qiegħed jistenna missieru fi tmiem il-quddiesa.
Huwa fakkar kif ma’ missieru kellu relazzjoni speċjali u li miegħu seta’ jitkellem fuq kollox speċjalment fuq ix-xogħol, il-familja u l-futbol.
Semma’ wkoll is-sens ta’ responsabbiltà li kien iħoss fix-xogħol tiegħu missieru u li min jaf kemm-il darba rċieva telefonati u qabad u warrab għax skontu la kienu ċemplulu sinjal li kellhom bżonnu.
Huwa għalaq bit-tbissima li kellu missieru u fakkar f’mument partikolari ta’ kif waqt li kienu qegħdin fil-karozza jisimgħu r-radju nstemgħet id-diska ‘She’s got the look’ u missieru qallu li dik kienet id-diska tiegħu lura fis-snin. Nigel qal li ħassu xi ftit konfus dak iż-żmien u li meta staqsa r-raġuni wara l-assimilazzjoni mad-diska ta’ Roxette Brian kien wieġbu li xi ħbieb kienu dawruha f’’She got the look u viva d-Deluxe’. Ma din il-frażi l-Knisja ppakkjata bin-nies nstemgħet tinfett f’ċapċipa waħda qawwija b’tislima lil Brian id-Deluxe.