Irrid ngħid ħaġa imma nistħi ngħidha lill-mara, aħseb u ara lilek… Niddejjaq ngħidha imma tkun tista’ tifhimni aħjar. Missieri lili mexxieni bl-aqwa mod possibbli. Darba minnhom kont qiegħed nagħmel gwardarobba żgħira tal-kartun u meta tkun żgħir taf inti, taqla’. Ġie missier u ommi qatlu ‘mur kellmu lil dak… mur ara x’inhu jagħmilli hemm’. Jien smajtha tgħajjat miegħu. Fil-pront missieri qalilha ‘ħallih għax dak, meta jikber, ġenju se jkun’. Missieri xorobha. Kien jaf x’talent għandi. Fil-fatt missieri baqa’ japprezza dak li nagħmel.”

Qasam dan magħna Victor Bugeja, anzjan attiv ta’ 81 sena, li minn ċkunitu wera talent kbir fejn dak li jara b’għajnejh, jagħmlu b’idejh. Din il-passjoni, li bdiet minn ċkunitu, kibret miegħu biex illum il-ġurnata għandu tliet garaxxijiet mimlija b’xogħol minn tiegħu.
Dan ix-xogħol ivarja minn gallariji tipiċi Maltin, arloġġi tal-Lira, luzzu, skuna, roti tal-karettuni, replika ta’ karozza tal-linja tal-1929, roti tal-karettuni mberflin minnu stess u saħansitra karozzi u bicycles tal-batterija li jdur bihom fit-toroq.
Dan ix-xogħol tal-idejn li jirrappreżenta l-kultura Maltija f’ħafna mill-oġġetti li jagħmel, ta lil Bugeja skop f’ħajtu. Dan għax minflok “jara t-televiżjoni” jaħdem u jtella’ esebizzjonijiet biex jiġbor fondi għad-Dar tal-Provvidenza.

Iżda, il-qalb kbira tiegħu u ta’ martu fejn tidħol il-karità tkompli matul is-sena kollha. Dan għax kull min imur fil-garaxx li jkun fih ta’ spiss fil-Qawra biex jara x-xogħol sabiħ tiegħu u jagħti donazzjoni, huwa jiġborhom għall-istess għan altruwist.
Dwar dan u aktar, għada fuq IT-TORĊA se nippubblikaw intervista sħiħa ma’ Victor Buġeja.