“Qed nistennew andament inkoraġġanti tul il-ġimgħa d-dieħla, f’dak li hu meqjus bħala perjodu importanti għal-lokalitajiet turistiċi f’Għawdex. Se jkunu f’livell mas-snin l-oħra jiġifieri għandna biex inkunu ottimisti.”
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat meta mitlub minn dan il-ġurnal jikkummenta dwar x’inhuma l-prospetti turistiċi f’Għawdex fil-ġimgħa ta’ Santa Marija.
Huwa stqarr li qegħdin jistennew ġimgħa fejn numru tajjeb ta’ turisti mistennija jżuru Għawdex, li għandu jagħmel tajjeb għal dawk ix-xhur fejn it-turiżmu f’din il-gżira kien aktar kajman.
Muscat tkellem ukoll dwar il-Maltin li jiġu Għawdex fejn anke hawn dawn jitqiesu bħala niċċa oħra ta’ turiżmu li jżur diversi ristoranti u stabbilimenti li hemm imxerrda fl-irħula ta’ din il-gżira.
Huwa rrefera għal fenomenu ieħor li sa ċertu punt jista’ jxekkel it-tkabbir tat-turiżmu intern f’Għawdex. Fil-fatt, skont Muscat hemm diversi Maltin li qed joqogħdu fl-appartament proprju tagħhom li xtraw f’Għawdex.
Għalkemm dan minnu nnifsu hu tajjeb għalihom għax investew fi proprjetà f’din il-gżira, mill-banda l-oħra numru ta’ appartamenti u farmhouses oħrajn li s-soltu jkunu għall-kiri ma jiġux mimlija.
“Minkejja kollox, is-sodisfazzjon hu dak li naraw dawn l-istess Maltin li jmorru fir-ristoranti, ħwienet u anke stabbilimenti oħra sabiex jixtru jew inkella jmorru hemm biex jieklu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA kompla jgħid li ftit tal-ġimgħat ilu waqt programm tar-radju, għadda proposta li għandhom jiftħu aktar boutique hotels f’Għawdex b’mod speċjali fil-qalba tal-irħula u l-villaġġi Għawdxin. Imbagħad jekk l-akkomodazzjoni tkun ta’ karattru Għawdxi dan jgħin l-esperjenza tat-turist.
Hu sostna li jiġu normalment jiġu aktar minn miljun turist barrani f’Għawdex li jiġu għal ftit sigħat filwaqt li 200,000 persuna torqod f’Għawdex. Dan ifisser li 8% tat-turisti li jiġu Malta jorqod f’Għawdex.
Finalment Joe Muscat bħala kap eżekuttiv ta’ din l-assoċjazzjoni hu fiduċjuż li fil-jiem li ġejjin se jirkupraw sew mir-ritmu mhux daqstant pożittiv li kellhom fl-ewwel ġimgħat tas-sajf għax wara kollox ħafna jfittxu l-gżira Għawdxija f’dawn il-jiem u żgur li t-turist jibqa’ jġorr din l-esperjenza speċjalment jekk tkun waħda tajba ħafna.