Fi ftit tal-jiem oħra, proprju nhar is-27 ta’ Ottubru, se nkunu qed nassistu għal Budget ieħor f’din il-leġislatura. Il-Budget li jmiss, għas-sena 2026, mistenni li bħal ta qablu, jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar u fuq il-livell ekonomiku u soċjali li laħaq pajjiżna. Mid-dikjarazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru nnifsu bħala kap tal-gvern, jidher li l-Budget se jkun l-aktar wieħed b’saħħtu issa, b’enfasi partikolari fuq il-qasam soċjali.
Se jkun budget ieħor li bla dubju se jsostni lil dawk l-aktar fil-bżonn f’pajjiżna, b’aktar inizjattivi favur il-familji, il-pensjonanti, il-vulnerabbli, lil dawk b’diżabilita u l-ħaddiema filwaqt li jagħti kuraġġ ukoll lil min iħaddem. Dan kollu fil-kuntest ta’ ekonomija li kompliet tikber u tingħata ċertifikati, wieħed wara l-ieħor, mill-aktar pożittivi minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, tant li pajjiżna huwa l-iktar wieħed bi tkabbir ekonomiku qawwi fiż-żona ewro.
Għax jemmen u jisma’ l-vuċi tal-poplu, il-Gvern kien nieda proċess ta’ konsultazzjoni biex kulħadd iressaq il-fehmiet u s-suġġerimenti tiegħu dwar x’jistenna mill-Budget li wara kollox huwa eżerċiżżju li ma jistax ma jkollux impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Gvern kellu wkoll diversi laqgħat mal-imsieħba soċjali nfushom biex mingħandhom ukoll jisma x’għandhom xi jgħidu u x’jistennew mill-Budget ta’ Ottubru li ġej. Il-GWU kienet waħda minn dawn l-organizazzjonijiet li ppreżentat il-ħsibijiet tagħha bi proposti konkreti li huma mibnija fuq l-esperjenzi li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum il-ħaddiema, fuq l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-familji, id-dinjità tal-pensjonanti li għandha tiġi mħarsa u li jinstemgħu l-vuċijiet ta’ gruppi oħra meqjusa vulnerabbli.
Il-GWU, fil-proposti tagħha, enfasizzat li l-budget għandu jmur lil hinn miċ-ċifri u jirrifletti l-prijoritajiet kollettivi tas-soċjetà u jservi bħala “blueprint” għall-ekwita, l-ugwaljanza, l-inklużjoni u t-tkabbbir sostenibbli. It-temi ppreżentati fid-dokument tal-GWU jifformaw parti mill-viżjoni olistika u sħiħa tagħha biex ħadd ma’ jitħalla jaqa’ lura.
Ewlenin fost il-proposti hemm it-tkomplija tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, u l-proġett pilota ta’ ġimgħa ta’ xogħol ta’ 32 siegħa mingħajr telfien fil-paga għal ħaddiema. Bla dubju, din il-proposta ma tistax tiddaħħal bil-għaġġla jew bl-addoċċ u kif qalet il-GWU, jekk għandha tiddaħħal din trid issir wara studju estensiv fuqha u wara li jiġi mkejjel l-impatt tagħha fuq in-negozji u l-industriji b’mod inġenerali.