Sunday, December 22, 2024

Mistenni suq tajjeb f’Għawdex għal Santa. Marija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-festa ta’ Santa Marija hija l-qofol tal-istaġun tas-sajf. Bħal dejjem Għawdex kien u baqa’ destinazzjoni popolari kemm mal-barrani kif ukoll mas-suq domestiku.” Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat f’kummenti ma’ dan is-sit.

Is-Sur Muscat irrimarka kif matul din il-ġimgħa huwa mistenni suq tajjeb f’Għawdex kemm mit-turisti li jżuru din il-gżira kif ukoll mill-Maltin, li ħafna jkunu diġà ħasbu minn qabel anke minħabba d-domanda qawwija għall-akkomodazzjoni b’mod partikolari f’dan il-perjodu. 

Huwa stqarr li din iż-żieda fit-turisti u l-Maltin toffri wkoll opportunitajiet lil stabbilimenti oħra bħal ristoranti u diversi servizzi oħra relatati. Għalhekk, fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-GTA, is-settur turistiku jkun qed iħares lejn dan il-perjodu li fih jagħmel tajjeb għal ‘l hekk imsejħa “shoulder months” li huma dawk ix-xhur tas-sena fejn it-turiżmu jkun inqas b’saħħtu. 

Sadanittant, is-Sur Muscat qal li bħala assoċjazzjoni jixtiequ jaraw aktar ħaddiema lokali illi jidħlu f’din l-industrija. Però, minħabba li l-istess industrija mhix qiegħda tattira biżżejjed dawn il-ħaddiema, ikollhom jirrikorru għall-ħaddiema barranin. 

Is-Sur Muscat filwaqt li nnota li hemm ħaddiema barranin tajbin però jkun hemm oħrajn li jirrikjedu aktar taħriġ u minnha nfisha din toħloq ċertu diffikultajiet anke fid-dawl li tkun trid tħarriġhom f’qasir żmien. 

“Din hija waħda mill-isfidi li rajnieha tiżviluppa. L-awtoritajiet fehmu li b’xi mod is-sitwazzjoni kellha tiġi regolata. L-introduzzjoni tal-iskills pass hija inizjattiva tajba, nittamaw li ma toħloqx problemi fl-ingaġġ ta’ ħaddiema tajbin. Fuq kollox, il-prinċipju u l-objettiv wara din l-inizjattiva huwa tajjeb u bħala GTA mill-bidu nett qbilna dwaru,” qal il-Kap Eżekuttiv filwaqt li tkellem dwar sfidi oħrajn li qed tiffaċċja l-industrija fosthom iż-żieda fil-prezzijiet fejn għolew il-prezzijiet tal-ikel u għalhekk l-istabbilimenti jkollhom jagħmlu tajjeb għal dan billi jżidu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom.

Ekonomija

Sport