Thursday, November 28, 2024

Mistennija jitħabbru “multi kbar” għal sidien li jikru b’mod abbużiv

Għal sena oħra jiżdied l-investiment għas-settur tal-akkomodazzjoni

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar bidliet fil-Liġi tal-Kera li mistennija jkomplu jagħfsu fuq l-abbuż, speċjalment dak relatat mal-iffullar.

Dan fid-dawl ta’ diversi rapporti fil-midja u anke azzjoni kontra sidien li kienu qed jikru appartamenti għal aktar mid-doppju tal-limitu stipulat.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt konferenza dwar il-budget fejn wissa lis-sidien kontra tali abbuż, liema abbuż jgħid illi se jġorr miegħu wkoll multi “kbar”.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes innota kif għal sena oħra, il-Gvern, fil-Budget bit-tema Malta Ġusta, reġa’ żied l-allokazzjoni finanzjarja għas-settur tal-akkomodazzjoni. “Għal darb’oħra qegħdin inwettqu bidliet essenzjali fil-benefiċċju tal-kera li jsaħħu, b’mod sostanzjali, l-għajnuna li introduċejna fl-aħħar snin,” qal il-Ministru Galdes.

Il-Ministru Roderick Galdes semma kif, fil-Budget, waħda mill-aktar miżuri importanti għas-settur tal-akkomodazzjoni hija dik tat-tisħiħ tal-Benefiċċju tal-Kera għall-inkwilini. Il-benefiċċju se jkun qed jiżdied:

•             Minn €3,600 għal €4,200 fis-sena għal persuna li tapplika waħedha;

•             Minn €4,800 għal €5,400 fis-sena għal familja b’wild wieħed;

•             Minn €5,000 għal €6,000 fis-sena għal familja b’żewġ ulied u aktar.

Kien imħabbar ukoll li se jiżdied il-minimu li jista’ jingħata lil benefiċjarju li se jkun ammont mhux anqas minn €125 fix-xahar.

Il-Ministru Galdes enfasizza kif f’dan il-Budget, il-Gvern qiegħed jippremja lis-sidien Maltin u Għawdxin għall-kontribuzzjoni li huma jagħtu lejn l-iskemi ta’ akkomodazzjoni soċjali f’dan il-pajjiż. Dan għaliex se titneħħa t-taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri ta’ proprjetajiet residenzjali li jkunu jaqgħu taħt skemi tal-Awtorità tad-Djar fejn l-Awtorità tkun kriet proprjetà privata u allokata lil benefiċjarji tal-akkomodazzjoni soċjali. Il-Ministru kompla jispjega li l-istess se jgħodd meta jkollna ċirkostanzi fejn sid li kien qiegħed jikri proprjetà residenzjali lil persuna jew familja li tkun qiegħda tibbenefika mis-sussidju tal-kera, jagħżel li jbigħ dik il-proprjetà lill-istess inkwilin li jkun qed jirċievi l-assistenza mill-Awtorità. Is-sidien sejrin jiffrankaw ukoll it-taxxa tal-bejgħ fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tat-trasferiment meta jbigħu dawn il-proprjetajiet lil kerrej preżenti.

Il-Ministru Roderick Galdes irrimarka kif il-miżuri kollha mħabbra fil-Budget 2024 jiddefinixxu t-tema ewlenija ta’ Malta Ġusta u jikkonfermaw li l-Gvern għandu jdejh fuq polz il-poplu Malti u Għawdxi.

Fost miżuri oħrajn li tħabbru fil-Budget 2024 u li se jkunu qed ikomplu jsaħħu lis-settur tal-akkomodazzjoni, se tkun emendata l-iskema tal-Għotja biex tgħin lis-sidien fil-bini, irranġar u/jew tkomplija tal-ewwel residenza tagħhom (kif magħrufa fil-qosor bħala l-GFR scheme) sabiex neliminaw l-anomalija li kien hemm fejn koppji jaqilgħu aktar flus minn applikanti single anke jekk l-ispejjeż tagħhom ikunu l-istess.

Sport