Friday, December 13, 2024

Mit-Tnejn jitneħħa l-obbligu tal-ilbies tal-maskri fl-iskejjel

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tas-saħħa ppubblikaw linji gwida aġġornati għall-iskejjel fejn jissemma kif il-maskri mhux se jibqgħu obbligatorji fl-iskejjel meta jibda t-term il-ġdid minn nhar it-Tnejn li ġej.
Madankollu, l-awtoritajiet qalu li “l-individwi huma liberi li jagħmlu l-valutazzjoni tagħhom tar-riskju għalihom u għat-tfal tagħhom fid-dawl li sa issa l-evidenza għadha turi li l-ilbies tal-maskri jibqa’ mezz effettiv biex jipprevjeni l-firxa tal-virus flimkien ukoll maż-żamma tad-distanza soċjali.”
Fl-istess linji gwida jissemma wkoll kif l-attivitajiet kollha li kienu jsiru qabel il-pandemija tal-Covid-19 għandhom isiru filwaqt li jinżammu l-miżuri bażiċi ta’ mitigazzjoni.
“Laqgħat li jinvolvu l-komunità skolastika jistgħu jsiru skont il-prinċipji ġenerali ta’ cohorting u anke distanza fiżika. L-iskejjel huma responsabbli li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tittaffa kwalunkwe trażmissjoni potenzjali tal-virus.”
Dawk li jattendu avveniment bilqiegħda fuq ġewwa ma jeħtiġux vaċċin jew xi ċertifikat tat-test. F’avveniment bilwieqfa, m’hemm l-ebda linji gwida speċifiċi għall-iskejjel. Bħall-avvenimenti l-oħra kollha bilwieqfa, dawk li jattendu għandhom ikollhom ċertifikat tal-vaċċin.

L-iskejjel tal-Knisja jħeġġu l-użu tal-maskri

B’reazzjoni għal dawn il-linji gwida, l-iskejjel tal-Knisja ħarġu stqarrija fejn ħeġġu għall-użu tal-maskri. Intqal li dawk l-iskejjel tal-Knisja li jikkonsidraw l-użu tal-maskri bħala meħtieġ għall-benesseri tal-komunità tagħhom u għall-operat tagħhom, se jkunu qed jinnotifikaw lill-ġenituri u l-membri tal-istaff.
“L-istudenti u l-istaff fl-iskejjel kollha tal-Knisja huma mħeġġa jilbsu l-maskri kif ipprovdut fil-linji gwida. Il-linji gwida għadhom mandatorji għat-trasport tal-istudenti lejn l-iskejjel,” temmet tgħid l-istqarrija.

Ekonomija

Sport