Minn nhar it-Tnejn li ġej pajjiżna se jkompli fit-triq lejn in-normalità hekk kif mhux se jibqa’ jkollna żoni ħomor jew ħomor skuri imma ħa jiddependi biss mill-immunità tal-persuna individwali jew li jkollha test negattiv.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, f’kumment li ta lil TVMnews.
Fil-kummenti tiegħu huwa qal li kull min għandu test negattiv ta’ 72 siegħa jew jekk inhu rapid ta’ 24 siegħa jew li għandu ċ-ċertifikat tal-irkupru, jista’ jiġi Malta hu minn fejn hu ġej, mingħajr il-bżonn ta’ kwarantina.
Id-Deputat Prim Ministru qal li mit-Tnejn li ġej, kull pajjiż se jibda jitqies l-istess. Dan ikun ifisser li mhux se jibqa’ l-bżonn li wieħed jitlob permessi mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex wieħed jivjaġġa lejn ċerti pajjiżi.
Fl-istess kummenti lil TVMnews, Fearne tkellem ukoll dwar il-proċess ta’ vaċċinazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam it-tieni booster fejn qal li mal-15,000 anzjan diġà rċevew it-tieni doża tal-booster.