Thursday, May 16, 2024

Santa Lucia relegati

Aqra wkoll

Valletta ……..2

Sta Lucia ..…1

Santa Lucia ġew ikkundannati biex fl-istaġun li ġej jilagħbu fiċ-Challenge League wara li tilfu l-konfront tagħhom kontra Valletta bl-iskor ta’ 2-1 u temmew l-impenji tagħhom fil-post ta’ qabel l-aħħar … tliet punti taħt Balzan.

Iż-żewġ timijiet qasmu l-logħob matul l-ewwel taqsima li kien konċentrat f’nofs il-ground bil-konsegwenza li ż-żewġ goalkeepers ftit li xejn ġew impenjati.

Fit-12-il minuta, Prestes Filho impenja lill-goalkeeper, Alessandro Guarnone, bi cross mix-xellug u erba’ minuti wara, xutt mill-bogħod ta’ Soares Fonseca ġie mxellef f’corner. Fit-28 minuta, cross ta’ Jamie Zerafa mil-lemin ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Valletta.

Fid-29 minuta, il-Beltin irrispondew b’xutt mill-isbaħ ta’ Fontanella li għadda ftit barra iżda żewġ minuti wara, Santa Lucia reġgħu resqu qrib bi free-kick ieħor ta’ Soares Fonseca.

Valletta ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u fil-50 minuta, Andrea Zammit kien għoddu fetaħ l-iskor iżda Haber salva bi bravura.

Żewġ minuti wara, il-Beltin fetħu l-iskor meta TRISTON CARUANA ttanta xortih b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax- xibka.

Il-Luċjani għamlu reaz­zjoni u fit-68 minuta, xutt ta’ Prestes Filho ntemm għoli.

Tliet minuti wara kisbu d-draw meta Soares għadda ballun lejn Plut u  wara li dar ma’ difensur, ikkrossja lejn JURGEN PISANI li bir-ras tefa’ ġewwa mill-viċin.

Fis-77 minuta Prestes Filho kellu cross mix-xellug li għadda minn quddiem il-lasti difiżi minn Guarnone.

Fil-81 minuta, Valletta kienu sfortunati li ma reġ­għux marru minn fuq meta Shaun Dimech għadda lejn Haris Dilaver li waħdu qud­diem Haber kellu konklużjoni taħbat mal-wieqa.

Iżda fis-sitt minuta tal-ħin miżjud, Valletta għalqu l- kampjonat b’goal ta’ LUCAS CAMPOS.

VALLETTA: 26-Alessandro Guarnone, 6-Triston Caruana (13-Sheldon Mackay 90), 11-Michele Sansone, 14-Christian Gauci, 17-Andrea Zammit (92-Kevin Tulimieri 68), 19-Promise Oluwatobi Emmanuel David (97-Lucas Campos 71), 20-Ivan Curjuric (10-Shaun Dimech 68), 24-Rowen Muscat, 66-Eslit Sala, 77-Caio Prado, 89-Mario Fontanella (9-Haris Dilaver 71)  – Coach: Danilo Doncic

STA LUCIA: 16-Justin Haber, 4-Andre Prates, 5-Jurgen Pisani, 6-Nicholas Pulis (14-Jan Tanti 91), 6-Gianmarco Conti, 9-Vito Plut, 11-Meghon Davidy Ayrton Valpoort, 17-Victor Luiz Prestes Filho, 22-Jamie Zerafa (10-Alan da Silva Souza 60), 23-Dexter Xuereb (21-Jamie Carbone 86), 29-Lorenzo Yoel Soares Fonseca  – Coach: Giovanni Tedesco

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Alan Ca­milleri, Christopher Francalanza

RABA’ UFF: Slobodan Petrovic

SKORERS: T. Caruana 52, L. Campos 96 (V); J. Pisani 71 (SL)

AMMONITI: P. Oluwatobi, I. Curjuric, C. Gauci, R. Muscat (V); J. Zerafa, V. Plut, N. Pulis, G. Conti (SL)

Sport