Jeremiah Joshua Jarrett ta’ 35 sena mill-Istati Uniti tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli bi stalking u fastidju fuq tfajla Maltija wara li allegatament bagħtilha mal-14,000 email. Dan seħħ fil-perjodu ta’ bejn April 2017 u Ottubru 2020.
L-Ispettur Jonathan Cassar spjega fil-Qorti kif lura fl-2015, l-imputat kien iltaqa’ ma’ tfajla fl-istabbiliment Havana f’Paceville fejn kienu taw in-numru tal-mobile lil xulxin. Għal xi raġuni, l-imputat baqa’ jikkuntattjaha u jinsisti li jrid jiltaqa’ magħha.
Sentejn wara, Jarrett tressaq il-Qorti mixli b’akkużi relatati ma’ fastidju u li kkaġunalha biża’ li tintuża vjolenza kontriha. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi u kien ikkundannat sentenza sospiża bil-Qorti tordna wkoll li jiġi ripatrijat lejn pajjiżu.
Wara li ntbagħat lejn l-Istati Uniti, l-imputat allegatament kompla jibgħatilha eluf ta’ emails u anke ittri saħansitra fuq il-post tax-xogħol fejn taħdem. Ġie spjegat li l-imputat kien bagħtilha b’kollox mal-14,000 email f’dawn l-aħħar tliet snin.
Ġara li aktar kmieni dan ix-xahar, l-imputat kien informaha li kien se jerġa’ jiġi Malta kif fil-fatt għamel. Fil-frattemp, huwa baqa’ jibagħtilha aktar emails.
L-Ispettur Cassar qal li nhar il-Ġimgħa li għadda, l-imputat iltaqa’ wiċċ imb wiċċ mat-tfajla, li kienet fil-kumpanija tas-sieħeb tagħha, u talabha ittih lura xi ċurkett li allegatament kien taha flimkien ma’ xi ittri oħra.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-imputat ġie mixli wkoll li għamel użu ħażin minn apparat elettroniku, li hedded lill-vittma b’ittra, li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu b’ordni ta’ trażżin u li wettaq reat punibbli bi priġunerija waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża fost oħrajn.
L-imputat talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti tiċħadlu t-talba u toħroġ ordni temporanja ta’ superviżjoni favur il-vittma.