Sunday, October 27, 2024

Mixli bi stupru fuq żewġ anzjani fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Somalu ta’ 21 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru fuq żewġ anzjani fil-Ħamrun.

Abdul Yousef Abib wieġeb mhux ħati li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens tal-allegati vittmi, li żammhom kontra l-volontà tagħhom u darabhom ħafif. Huwa kien mixli wkoll li seraq il-mobile ta’ wieħed mill-anzjani. 

L-Ispettur Joseph Busuttil spjega li t-Tlieta li għadda, għall-ħabta tas-2.00 a.m. inqalgħet kommossjoni barra l-Għassa tal-Ħamrun. Meta l-pulizija ħarġu barra, sabu mara anzjana u lill-akkużat jaħarbu minn fuq il-post. 

Hekk kif il-mara spjegat li l-akkużat allegatament kien aggrediha, ambulanza waqfet fil-qrib b’raġel anzjan fuq ġewwa. L-anzjan allega li l-istess raġel kien ukoll aggredieh sesswalment fl-istess triq ftit metri ‘l isfel u li seraqlu l-mobile.

L-akkużat kien inexxielu jaħrab wara li ġirien semgħu kommossjoni fit-triq u ħarġu biex jiċċekkjaw x’kien qed jiġri. 

F’dan l-istadju, id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet li ssir evalwazzjoni psikoloġika fuq l-akkużat.

Il-Maġistrat Charmaine Galea, li quddiemha tressaq l-akkużat, irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jipprovdi tali assessjar. 

Il-Qorti ordnat li ma jixxandrux isem l-allegati vittmi filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favurihom.

Sport