Saturday, December 21, 2024

Mixli bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Joseph Sharfid ta’ 46 sena residenti l-Belt Valletta, baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti ħareġ li l-Ġimgħa li għadda, il-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga kellha informazzjoni kunfidenzjali li l-imputat allegatament kien se jkun involut fi traffikar tad-droga fl-Imsida. 

Intqal li l-Pulizija marru fi Triq Victor Denaro fejn malli nduna bil-preżenza tal-pulizija, l-imputat ipprova jaħrab u rema pakkett suspettuż.

Minn analiżi preliminari li saret, il-pakkett instab li kien fih diversi kapsoli b’sustanza suspettata droga kokaina li tammonta għal madwar 700 gramma. Fuq ir-raġel instabu €13,000 fi flus kontanti u minn aktar tfittxijiet fir-residenza tiegħu nstabu €14,000 oħra.

Sharfid wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u d-Difiża talbet li l-istess imputat jingħata l-benefiċċju tal-libertà proviżorja. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u ordnat li jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Ekonomija

Sport