Saturday, December 21, 2024

Mixli bit-traffikar tad-droga eroina u kokaina

Aqra wkoll

Nicholas Farrugia ta’ 31 sena tressaq il-Qorti mixli bil-pussess tal-eroina u l-kokaina, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Farrugia kien arrestat is-Sibt filgħodu fil-Marsa wara li fil-vettura tiegħu nstabu numru konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga lesti biex jinbiegħu, kif ukoll tliet mobile phones.

Sussegwentement, il-pulizija għamlu wkoll tfittxija fir-residenza tiegħu f’Ħal Luqa fejn moħbija nstabu madwar żewġ kilos sustanza suspettata droga eroina u madwar kilo sustanza suspettata kokaina, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga nbiegħet kien ilaħħaq madwar €130,000. 

Farrugia tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea fejn minbarra l-akkużi dwar traffikar ta’ droga, huwa kien mixli wkoll li kiser diversi sentenzi tal-Qorti u anke li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u nżamm arrestat wara li kellu t-talba għal-libertà proviżorja miċħuda mill-Qorti. 

Ekonomija

Sport