Raġel ta’ 28 sena residenti n-Nadur, Għawdex, tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex fejn ġie mixli li qiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu u kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq żewġ persuni ta’ 24 u 43 sena rispettivament.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tal-5.00 a.m. waqt li kien fi Triq ir-Rebħa, Għajnsielem, Għawdex. Ir-raġel ta’ 28 sena ġie akkużat ukoll illi kkaġuna ħsara fuq apparat ta’ komunikazzjoni elettronika ta’ wieħed mill-irġiel u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.