Saturday, December 21, 2024

Mixli li ħebb għal missieru b’baqqun

Aqra wkoll

Raġel li allegatament ħebb għal missieru b’baqqun f’argument li seħħ f’għalqa fiż-Żejtun is-Sibt li għadda baqa’ jinżamm arrestat wara li ċaħad l-akkużi miġuba kontrih. 

Fil-Qorti nstema’ kif il-missier u l-iben kellhom xi jgħidu wkoll ġurnata qabel seħħ il-każ, bl-argument jidher li kellu l-bidu tiegħu minħabba xi nuqqas ta’ qbil dwar il-kont tal-Cashlink. Iżda l-affarijiet ħadu żvolta vjolenti s-Sibt għall-ħabta ta’ nofsinhar. 

L-imputat, ta’ 28 sena minn Ħal Kirkop, tressaq b’urġenza fil-Qorti lbieraħ. Quddiem il-Maġistrat Nadia-Helena Vella nstema’ kif wara dan l-inċident missier l-imputat spiċċa sofra ġrieħi f’rasu, fl-istonku u anke f’subgħajh. L-allegat vittma kien ittieħed ukoll l-isptar fejn il-ġrieħi li sofra ġew iċċertifikati bħala gravi. 

Meta mitkellem mill-pulizija, l-allegat vittma stqarr li ibnu allegatament kien ħebb għalih b’baqqun. Sussegwentement, il-pulizija arrestat lis-suspettat li meta ġie interrogat allega li kien aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu. 

L-imputat kien qal lill-pulizija li kien missieru li avviċinah b’baqqun f’idejh u hu kulma għamel kien li mbuttah. Huwa żied jallega li kien f’dak il-mument meta missieru waqa’ ħabat rasu.

Fil-Qorti, l-imputat ġie mixli b’attentat ta’ qtil, li weġġa’ gravi lil missieru kif ukoll li insulentah u heddu. Huwa kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. 

Il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-Ġimgħa filgħaxija l-imputat kien ċempel l-Għassa taż-Żejtun biex jirrapporta li missieru għamel ħsara fil-vettura tiegħu. Huwa kien mitlub sabiex jagħmel rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika ta’ Santa Luċija. Iżda peress li kien suġġett għal curfew impost mill-Qorti, l-imputat ma setax imur f’dan iċ-ċentru l-Ġimgħa filgħaxija u kien mitlub sabiex iressaq ir-rapport tiegħu s-Sibt.

Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba n-natura tal-akkużi u l-fatt li l-allegat vittma għad irid jixhed f’dawn il-proċeduri.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Maġistrat Vella ċaħdet it-talba u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Anonello Magri. L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat. 

Ekonomija

Sport