Wednesday, July 24, 2024

Mixli li hedded lil familtu biex jagħtuh il-flus għad-droga

Aqra wkoll

Raġel inżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded lill-membri tal-familja tiegħu biex jagħtuh il-flus għad-droga.

Ir-raġel, li għandu 36 sena u huwa residenti Ħal Qormi, kien mixli li hedded lill-ġenituri u membru ieħor tal-familja kif ukoll li kkawżalhom biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom.

L-Ispettur Omar Zammit spjega li l-ġenituri tal-imputat kienu marru jirrapportaw li binhom allegatament kien qiegħed jheddidhom kull darba li jirrifjutaw li jagħtuh il-flus għad-droga.

Dan ir-rapport kien aġġornat fit-30 ta’ Mejju li għadda, wara li r-raġel kien mar id-dar t’ommu fejn reġa’ talabha l-flus iżda ħareġ minn hemm b’idu vojta wara li ħuh ikkonfrontah. Imbagħad huwa allegatament għamel l-istess meta mar għand nanntu.

Ir-raġel kien arrestat it-Tnejn li għadda wara li nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Il-Qorti semgħet ukoll li l-imputat kien diġa’ kkundannat fuq akkużi simili ġimagħtejn ilu, fejn kien tpoġġa taħt ordni ta’ probation.

L-imputat, li kien assistit mill-Avukat Martin Farrugia, wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-istadju bikri tal-proċeduri u l-fatt li l-qraba tiegħu għad iridu jixhdu.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Fl-istess waqt, għamlet rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet tal-ħabs sabiex jagħtuh l-assistenza kollha li kien jeħtieġ. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja u nħarġet ordni ta’ protezzjoni.

L-Avukati Frank Anthony Tabone, Arthur Azzopardi u Jenilee Agius dehru għall-allegati vittmi.

Ekonomija

Sport