Wednesday, July 24, 2024

Ċert li flimkien mat-tim il-ġdid tiegħi, Birzebbugia ASC, se nagħmlu affarijiet kbar – Alberto Barroso Macarro

Aqra wkoll

Il-plejer Spanjol tal-waterpolo Alberto Barroso Macarro hu wieħed mill-akkwisti l-ġodda ta’ Birżebbuġa Waterpolo Club. Hu se jkun wieħed mill-barranin tagħhom għas-sajf li ġej meta jibda l-kampjonat nazzjonali tal-waterpolo.

Barroso Macarro għandu 29 sena u għadu kemm rebaħ il-kampjonati Ewropej mat-tim nazzjonali Spanjol. Dawn tal-aħħar għelbu bla mistenni lill-favoriti l-Kroazja 11-10 sabiex kisbu l-midalja tad-deheb f’din il-kompetizzjoni. Minkejja li l-Kroati ddominaw ħafna mil-logħob, l-Ispanjoli dejjem kienu pronti wettqu reazzjoni tant li fl-aħħar mill-aħħar skorjaw il-gowl li tahom ir-rebħa finali.

Din ir-rebħa apparti li tathom it-tazza, tat id-dritt lill-Ispanjoli li jipparteċipaw fil-Logħob Olimpiku li se jsir fi Franza.

Fuq livell ta’ klabb, Barroso Maccaro lagħab ma’ CN Terrassa bejn l-2018 u l-2022 sabiex sena wara ngħaqad mat-tim preżenti tiegħu CN Sabadell. Hu ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet prestiġġjużi tal-waterpolo fosthom il-LEN Champions League u Europa Cup kif ukoll il-FINA World Cup.

Din il-gazzetta ħadet il-kummenti ta’ Alberto Barroso Macarro dwar din l-esperjenza riċenti u anke l-avventura li se jibda dalwaqt ma’ Birżebbuġa.

Bdejna billi saqsejt lil Barroso Maccaro dwar din l-esperjenza l-ġdida li se jibda f’pajjiżna fil-jiem li ġejjin.

“Ninsab ħerqan u eċitat li nibda nilgħab f’Malta fil-kampjonat tas-sajf. Smajt li hemm ħafna interess mid-dilettanti lokali fil-waterpolo u għalhekk iktar ninsab eċitat għall-bidu tal-kampjonat. Smajt ukoll li l-pixxina hi waħda miftuħa u għalhekk ikun hemm ambjent partikolari.”

“Kelli l-ewwel diskussjonijiet mad-diriġenti ta’ Birżebbuġa ftit tax-xhur ilu meta ġew jarawni waqt il-logħob mill-kampjonati Ewropej ma’ Spanja. Ħadt pjaċir niltaqa’ magħhom speċjalment għax ġew fl-aqwa mument tat-turnament iġifieri l-fażi tal-aħħar erbgħa. Ftit ftit se nibda nidra l-ambjent Malti u ċert li flimkien mat-tim il-ġdid tiegħi se nagħmlu affarijiet kbar.”

Barroso Maccaro tkellem ukoll dwar is-sodisfazzjon li ħass meta rebaħ il-kampjonat Ewropew ma’ pajjiżu, xi ħaġa li ħadd ma stenniha iktar u iktar meta ltaqgħu kontra l-ġganti l-Kroazja.

“Konna rbaħna l-Kampjonati Mondjali, dawk Olimpiċi iżda kien għad jonqosna l-kampjonat Ewropew. Dan wasal bl-aqwa mod possibbli u personalment inħossni ferm kuntent li wettaqt din il-ħolma.”

Finalment hu temm din l-intervista billi sellem lill-partitarji ta’ Birżebbuġa Waterpolo Club fejn stqarr li jrid jarahom jifirħu bir-riżultati pożittivi u li hu se jagħmel dak kollu possibbli sabiex dan kollu jsir realta’.

Ekonomija

Sport