Mixli li hedded lill-pulizija waqt road check fil-Furjana

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena mill-Belt Valletta ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq fil-Qorti fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi li hedded uffiċjali tal-pulizija wara road check fil-Furjana.

Il-Qorti semgħet kif fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, uffiċjali mill-Għassa tal-Belt kienu qed jagħmlu road check meta raw vettura tidħol fi triq one-way kontra d-direzzjoni tat-traffiku.

Il-pulizija segwew u waqqfu l-vettura, fejn allegatament innutaw li x-xufier kellu riħa ta’ alkoħol. Huwa rrifjuta li jagħmel test tal-breathalyser u sussegwentement ittieħed l-Għassa tal-Belt.

Il-Prosekuzzjoni qalet li waqt li kien fl-għassa, ir-raġel allegatament beda jinsulenta u jhedded lill-uffiċjali. “Tagħmlux roadblock ieħor ġewwa l-Furjana għax ngħaddi minn fuqkom,” huwa allegatament qalilhom. Test tad-droga li sar wara rriżulta fin-negattiv.

Il-Qorti ntqalilha wkoll li waqt li kien qed jinżamm fil-lock-up tal-pulizija, l-akkużat qal li ried ineħħi ħajtu b’idejh. Huwa ttieħed lura l-isptar għal aktar eżamijiet qabel ma ġie rilaxxat u tressaq il-Qorti.

Ir-raġel, li jaħdem bħala dishwasher f’pizzerija, wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest tiegħu, li ġie ddikjarat validu mill-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li argumentat li r-raġel kien hedded lill-uffiċjali li kienu qed jieħdu ħsiebu. Hija rrimarkat li waqt l-interrogazzjoni, meta ġie mistoqsi jekk kienx jiddispjaċih għal dak li għamel, l-akkużat eżerċita d-dritt tiegħu li ma jweġibx. 

Il-Prosekuzzjoni rrikonoxxiet id-dritt tiegħu li ma jweġibx, iżda argumentat li huwa ma kien esprima l-ebda rimors. Hija rreferiet ukoll għal każ preċedenti f’Marzu li kien jinvolvi reat simili kontra uffiċjal pubbliku, li għalih l-akkużat kien ingħata multa.

Id-difiża argumentat li n-natura tal-akkużi ma kinitx tiġġustifika li r-raġel jibqa’ taħt arrest u li ma kien hemm l-ebda riskju li jimmanipula l-provi, partikolarment minħabba li l-inċident kien inqabad fuq il-cameras tal-pulizija.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li kkunsidrat in-natura tal-akkużi, il-fedina penali tal-akkużat u l-interessi kemm tal-individwu kif ukoll tal-pubbliku.

Inħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni favur l-uffiċjali tal-pulizija involuti u l-familji tagħhom.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000. Huwa jrid jiffirma l-għassa ta’ Tas-Sliema kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Sibt bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m. filwaqt li kien ordnat biex ma javviċinax jew jagħmel kuntatt max-xhieda tal-Prosekuzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Abigail Pomroy, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-Avukat Rachel Tua. 

Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Ingrid Bianco.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport