L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Science in the City se terġa’ tqarreb ix-xjenza u r-riċerka lejn il-pubbliku permezz ta’ programm li jgħaqqad ir-riċerka, l-arti, l-edukazzjoni u l-kreattività. Bit-tema “Research, Resist, Reimagine”, il-festival se jesplora kif ir-riċerka tista’ tgħinna nifhmu aħjar id-dinja ta’ madwarna, nisfidaw ideat u sistemi eżistenti, u nimmaġinaw possibbiltajiet ġodda għall-futur.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, indirizzaw it-tnedija tal-edizzjoni ta’ din is-sena li matulha tkellmu dwar l-importanza li r-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni jkunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll dwar ir-rwol tal-edukazzjoni biex tqajjem il-kurżità, il-kreattività u l-ħsieb kritiku fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-Ministru Clifton Grima saħaq fuq l-importanza ta’ Science in the City bħala pjattaforma li tqarreb ir-riċerka u l-innovazzjoni lejn is-soċjetà u tagħmilhom aktar relevanti għall-ħajja ta’ kuljum.
“Science in the City huwa festival prestiġjuż li jlaqqa’ flimkien il-komunitajiet tax-xjenza u tal-arti biex iqarrbu x-xjenza lejn il-pubbliku. Ir-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex kunċetti astratti. Dawn jolqtu direttament il-mod kif ngħixu – mis-saħħa u r-reżiljenza klimatika sad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-iżvilupp sostenibbli, il-mobilità u l-ħarsien tal-ambjent. Huwa għalhekk importanti li r-riċerka ma tibqax limitata għal-laboratorji, l-universitajiet jew il-pubblikazzjonijiet akkademiċi, iżda tasal fil-komunità b’mod aċċessibbli, li jinftiehem u li jkun relevanti għaċ-ċittadini,” qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri tkellem dwar id-dimensjoni edukattiva tal-festival u l-importanza li t-tagħlim tax-xjenza jkun marbut aktar ma’ esperjenzi prattiċi, ir-riċerka u d-dinja ta’ madwar l-istudenti.
“Ix-xjenza hija l-bażi mhux biss tal-għerf, iżda wkoll tal-progress u l-benesseri tas-soċjetà. Għalhekk irridu nkomplu nqarrbuha lejn l-istudenti tagħna u nuruhom kif dak li jitgħallmu fil-klassi għandu rabta diretta mad-dinja ta’ madwarhom. Inizjattivi bħal Science in the City iqanqlu l-kurżità, il-kreattività u l-ħsieb kritiku, u jgħinu biex aktar żgħażagħ jiskopru l-opportunitajiet li jeżistu fl-oqsma tax-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija. Irridu nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet biex l-istudenti mhux biss jitgħallmu x-xjenza, iżda jesperjenzawha u jaraw il-possibbiltajiet li tista’ tiftaħ għalihom fil-futur,” qal il-Ministru Camilleri.
Science in the City ilu jiġi organizzat mill-2012 u matul is-snin kompla jikber kemm fil-parteċipazzjoni kif ukoll fil-firxa tal-attivitajiet tiegħu. Minn madwar 12,000 persuna fl-ewwel edizzjoni, il-festival illum jilqa’ aktar minn 33,000 persuna fis-sena. Għall-2026, aktar minn 100 organizzazzjoni rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom, fosthom entitajiet mir-riċerka, l-arti, l-edukazzjoni, NGOs, organizzazzjonijiet tal-istudenti, l-industrija u s-settur pubbliku. Din is-sena huwa stmat li l-festival jilħaq madwar 35,000 viżitatur.
Id-dimensjoni edukattiva ta’ Science in the City testendi wkoll direttament fl-iskejjel permezz tal-programm Researchers at Schools, li jgħaqqad it-tagħlim fil-klassi mar-riċerka permezz ta’ attivitajiet interattivi u addattati għall-etajiet differenti. Permezz ta’ approċċ STEAM, l-istudenti jingħataw l-opportunità jiltaqgħu ma’ riċerkaturi, jesploraw karrieri differenti u jieħdu sehem f’attivitajiet prattiċi ta’ soluzzjoni ta’ problemi. Għas-sena 2026/2027, il-programm għandu l-għan li jilħaq aktar minn 40 skola, 5,000 student u 80 edukatur.
Science in the City joffri wkoll opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-edukaturi f’oqsma bħall-komunikazzjoni tax-xjenza, metodi kreattivi ta’ tagħlim, l-inklużjoni u l-litteriżmu diġitali, bil-għan li jissaħħaħ aktar it-tagħlim ibbażat fuq l-esplorazzjoni u l-approċċ STEAM.
Il-programm ta’ din is-sena jinkludi attivitajiet ta’ qabel il-festival sat-23 ta’ Settembru, il-festival ewlieni fit-toroq fil-25 u s-26 ta’ Settembru, u l-festival tal-prestazzjonijiet fis-6 u s-7 ta’ Novembru. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn riċerkaturi, artisti, edukaturi, studenti, organizzazzjonijiet u l-pubbliku, Science in the City se jkompli jwassal ix-xjenza u r-riċerka lil hinn mil-laboratorju u mill-klassi, u aktar qrib il-komunità.
