Serqet bi kważi €20,000 f’oġġetti ta’ valur minn appartament fil-Gżira

… ikkundannata 26 xahar ħabs

Aqra wkoll

Abigail Bugeja ta’ 39 sena kienet ikkundannata 26 xahar ħabs wara li ammettiet li serqet bi kważi €20,000 f’oġġetti ta’ valur minn appartament fil-Gżira. 

Il-każ seħħ f’Marzu 2025 u fost l-oġġetti misruqa kien hemm ħwejjeġ, ġojjellerija, oġġetti kosmetiċi, żewġ powerbanks u Ipad Air fost oħrajn.

Fil-Qorti kien ħareġ li l-mara kienet inqabdet bis-saħħa ta’ marki ta’ swaba’ li ttieħdu mill-appartament u mill-cameras tas-sigurtà.

Għall-ewwel, Bugeja wieġbet mhux ħatja tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontra tagħha iżda mbagħad fis-seduta tat-30 ta’ Lulju 2026 hija rreġistrat ammissjoni. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella kkunsidrat in-natura tar-reati u l-fatt li l-imputata għandha problema serja u akuta ta’ abbuż ta’ droga li jeħtieġ li tiġi indirizzata. 

Kien għalhekk li filwaqt li sabitha ħatja tal-akkużi, il-Qorti kkundannat lil Bugeja għal 26 xahar priġunerija effettiva, li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li għamlet taħt arrest preventiv in konnessjoni ma’ dan il-każ. 

Hija tpoġġiet ukoll taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ ħames snin filwaqt li kienet ordnata tħallas lill-vittma s-somma ta’ €19,760 rappreżentanti l-valur tal-oġġetti minnha misruqa. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport