Wednesday, August 26, 2026
Home Internazzjonali L-Iran jgħid li preparat biex jaffronta s-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti

L-Iran jgħid li preparat biex jaffronta s-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti

0
48

L-Iran iddikjara li huwa fiduċjuż li jista’ jaffronta s-sanzjonijiet estiżi tal-Istati Uniti, wara li l-president Amerikan Donald Trump ħabbar dak li ddeskriva bħala “economic D-Day” kontra l-pajjiż fi sforz biex jiżolah mill-ekonomija globali. L-Iran qed jgħid li huwa “ippreparat għalkollox” għal dawn is-sanzjonijiet, li sostna li kienu se jwasslu għal “telfa oħra” għall-Istati Uniti.

Waqt it-tħabbira ta’ sensiela ta’ miżuri ġodda, is-Segretarju tat-Teżor Amerikan Scott Bessent qal li kwalunkwe nazzjon li jidħol fi sħubija finanzjarja mal-Iran jispiċċa iżolat, u li l-banek u n-negozji li jagħmlu negozju mal-Iran kienu se jiffaċċjaw l-istess iżolament jekk jirrifjutaw li jaqtgħu r-rabtiet tagħhom mal-Iran.

Dawn l-aħħar miżuri jsegwu bidliet kbar u skadenzi estiżi mill-White House fl-isforzi tagħha biex ittemm il-kunflitt. L-Istati Uniti qed tqis dawn il-miżuri l-ġodda bħala l-akbar offensiva finanzjarja li qatt saret kontra l-Iran, li tissikka l-ħabel u timblokka kull sors potenzjali ta’ dħul finanzjarju.

L-akbar imsieħba kummerċjali tal-Iran jinkludu ċ-Ċina, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda – li ħabbru l-ġimgħa li għaddiet li kienu se jwaqqfu t-tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji kollha ma’ Tehran. Iżda sigħat wara t-tħabbira tal-Istati Uniti, l-Iran qal li l-imsieħba kummerċjali tiegħu kienu se jjissoktaw bin-negozju miegħu.

Filwaqt li qal li la ċ-Ċina u lanqas ir-Russja ma aċċettaw il-miżuri tal-Istati Uniti, u bassar li pajjiżi oħra kienu se jopponuhom, l-Iran stqarr li kien lest, u għandu pjan ta’ sentejn biex jimmaniġġja dawn l-avvenimenti. 

Sadanittant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ċniż irrimarka li s-sanzjonijiet u t-tattiċi ta’ pressjoni ma kinux ta’ għajnuna, u li Beijing kienet se tagħmel dak kollu meħtieġ biex tipproteġi l-interessi taċ-Ċina.

Il-gwerra wasslet għal żieda fil-prezzijiet globali taż-żejt, u bi tweġiba għall-aħħar theddida, l-Iran wissa li se jwaqqaf l-esportazzjoni kollha taż-żejt mir-reġjun jekk il-gwerra tkompli. Ir-reġim Iranjan ħareġ ukoll twissija ġdida lill-vapuri biex ma jgħaddux mill-Istrett ta’ Hormuz mingħajr permess.

Konferenza stampa aktar kmieni nhar it-Tnejn spjegat dak li ġie msejjaħ “Operation Economic Outcast”, fejn intqal li l-Istati Uniti kienet qed tniedi attakk ekonomiku kontra l-konnessjonijiet finanzjarji tal-Iran madwar id-dinja.

Id-dipartiment tat-Teżor ħareġ dikjarazzjoni kontra ħames setturi: assi diġitali, teknoloġija, deheb, avjazzjoni u tbaħħir. It-Teżor impona wkoll sanzjonijiet fuq kważi 60 entità, individwi u bastimenti. Madankollu rrifjuta li jsemmi pajjiżi speċifiċi, iżda qal biss li l-president Trump se jkun qed iċempel lill-mexxejja dinjija biex iwaqqfu l-interazzjonijiet tagħhom mar-reġim Iranjan.

David Oxley, l-ekonomista ewlieni għall-klima u l-komoditajiet f’Capital Economics, wera dubju dwar l-effettività tas-sanzjonijiet. Huwa qal li dan kien dovut parzjalment għall-fatt li madwar 90% taż-żejt tal-Iran imur lejn iċ-Ċna, pajjiż li fil-passat ma rrikonoxxiex is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u li x’aktarx mhux se jċedi għall-pressjoni lanqas din id-darba”.

L-impatt ekonomiku tal-gwerra fl-Iran qed jinħass fl-Istati Uniti u madwar id-dinja. Prezzijiet ogħla taż-żejt kebbsu t-tħassib dwar l-għoli tal-ħajja, bil-prezzijiet tal-petrol u tad-diżil ħafna ogħla milli kienu sena ilu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here