Friday, April 19, 2024

Mixli li kien jaljena anzjani biex jisraqhom

Aqra wkoll

Chris Farrugia ta’ 40 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li ġie mixli li fl-aħħar xhur wettaq minn tal-inqas sitt serqiet fuq anzjani, b’xi serqiet minnhom allegatament seħħew ftit jiem biss wara li ħareġ mill-ħabs.

Huwa kien mixli wkoll b’attentat ta’ frodi fuq anzjana ta’ 75 sena, li għamel qligħ b’qerq għad-dannu ta’ anzjana ta’ 83 sena, li ppromwova promozzjoni jew bejgħ ta’ logħob mhux awtorizzat, li f’postijiet pubbliċi mmolesta n-nies għall-karità u li sar reċediv fost oħrajn. 

Fil-Qorti ħareġ kif il-pulizija kienet qiegħda tirċievi diversi rapporti li raġel kien qiegħed idur diversi lokalitajiet, iħabbat f’residenzi fejn jgħixu anzjani u allegatament jgħidilhom li kien qiegħed jiġbor xi flus għall-missjoni jew qiegħed ibigħ biljetti tal-lotterija li jitilgħu mal-prima. 

L-Ispettur Lydon Zammit qal li waqt li l-imputat kien ikun ġewwa r-residenza tagħhom allegatament kien jaljenahom u jisirqilhom xi oġġetti. Qal li kien hemm każi fejn l-allegati vittmi ndunaw dak il-ħin x’kien qed jiġri filwaqt li kien hemm każi oħra fejn dawn indunaw wara li telaq mir-residenza tagħhom. 

Huwa żied jispjega kif il-Pulizija rnexxielha tasal għall-imputat wara d-deskrizzjoni li ngħatat mill-allegati vittmi. “Farrugia kien arrestat it-Tlieta filgħodu meta ntlemaħ iħabbat fuq il-bieb ta’ residenza fejn toqgħod anzjana fil-Mellieħa biex ma tisfax vittma,” qal l-Ispettur Zammit. 

Farrugia tressaq dalgħodu quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Stephen Gulia. L-Avukat Joe Brincat deher għal Farrugia. L-Avukat Franco Debono deher għal wieħed mill-allegati vittmi.

Sport